Il-Gvern Malti jilqa’ d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fis-Sirja

Il-Gvern Malti laqa’d-Dikjarazzjoni tal-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini dwar l-attakki b’armi kimiċi fis-Sirja.
Fid-Dikjarazzjoni tagħha, Mogherini ikkundannat dan l-attakk u fakkret li attakki b’armi kimiċi jitqies bħala “reat tal-gwerra,” u min wettqu jrid jinżamm responsabbli li mar kontra l-liġi internazzjonali.
L-Unjoni Ewropea saħqet ukoll li min hu responsabbli għandu jiġi sanzjonat fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Mogherini qalet li l-Istati Uniti infurmat lill-Unjoni Ewropea li kien ir-reġim Sirjan li wettaq dan l-attakk li ħalla minn tal-inqas 60 persuna mejta fosthom tfal.
Id-Dikjarazzjoni tisħaq li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tinsiti li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għas-Sirja u l-uniku triq għall-paċi għandha tkun soluzzjoni politika u “telfa deċiżiva” fuq id-Da’esh u gruppi oħra terroristiċi.
Federica Mogherini saħqet ukoll li l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lid-diskussjonijiet immexxija min-Nazzjonijiet Magħquda f’Geneva biex tinstab soluzzjoni bejn il-partijiet kollha Sirjani u biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja.