Il-Gvern Malti jikkundanna l-vjolenza f’Gaza

Il-Gvern Malti jesprimi sogħba bla tarf għall-aħħar żviluppi ta’ vjolenza mdemmija, li seħħew bejn Iżrael u l-Palestinjani.
Il-Gvern Malti jikkundanna bla riżerva kull forma ta’ vjolenza tiġi minn fejn tiġi u jagħmilha min jagħmilha.
Il-Gvern Malti jifhem u jħoss il-frustrazzjoni, u d-disperazzjoni ta’ poplu li jibqa’ mċaħħad minn artu, u mit-tgawdija ta’ libertajiet fundamentali li kull ċittadin jippretendi li għandu jgawdi.
Fl-istess ħin il-Gvern Malti, jifhem ukoll u jagħder il-beżgħat u s-sens ta’ persekuzzjoni li jkollu poplu li jħoss li l-eżistenza tiegħu taf tkun mhedda.
Dawn huma realtajiet li ma jistgħux jintesew, u huma parti mill-ispjegazzjoni għaliex il-kwistjoni Iżraeljana-Palestinjana hija daqshekk diffiċli biex tinstabilha soluzzjoni.
Il-Gvern Malti jemmen li dawn l-episodji ta’ vjolenza riċenti, kemm dawk fuq individwi , kif ukoll dawk fuq bażi aktar wiesgħa jkomplu jitfgħu aktar ħatab fin-nar biex tkompli tħeġġeġ l-ħuġġieġa ta’ instabbiltà,  tbatija, ġlied u massakri li qiegħdin jaħkmu ir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Il-Gvern Malti ma jixtieqx jara ripetizzjoni tal-gwerra f’Gaża tal-2008/9.
Huwa għalhekk li l-Gvern Malti, jittama li jirbaħ is-sens komun, u ma naslux għal flaġellazzjoni oħra. 
Jemmen ukoll li wara li fallew tant attentati biex tintab il-paċi, ma jarax triq oħra ħlief li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jerfgħu r-responsabbilità tagħhom u jaġixxu b’mod posittiv u konkret biex l-ewwelnett iwaqqfu l-ġlied, u b’miżuri u bi programm maħsub bil-quddiem, iwasslu liż-żewg naħat biex bejniethom joħolqu l-ambjent fejn żewġ pajjiżi ġirien jgħixu fil-paċi flimkien, b’ rispett reċiproku lejn is-sovranità u l-integrità territorjali ta’ kull wieħed minnhom.