Il-Gvern Malti jikkundanna l-attakk fit-Turkija

Il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha esprima x-xokk tiegħu għall-attakk terroristiku li seħħ f’Suruc, fit-Turkija iktar kmieni din il-ġimgħa.
F’dan l-attakk mietu 32 żagħżugħ u żagħżugħa u ndarbu mal-100 żgħażagħ oħra, qabel dawn daħlu fis-Sirja biex iwettqu xogħol umanitarju f’Kobane.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella, f’isem il-Gvern Malti, wassal il-kondoljanzi lill-Gvern Tork u lill-poplu Tork, kif ukoll lill-qraba tal-vittmi.
Il-Gvern Malti qal li jikkundanna dan l-att despikabbli u t-telf ta’ ħajjiet.
George Vella qal li Malta tikkundanna kull att ta’ terrur, irrispettivament minn min isir.