​Il-Gvern Malti jibqa’ kontra l-abort, l-Oppożizzjoni tħeġġeġ għal korsijiet għat-tħejjija taż-żwieġ

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, fid-diskussjoni fil-Parlament illejla b’rabta mal-emendi li qed jiġu proposti għal-liġi taż-żwieġ, tkellem dwar it-taħdidiet li kien involut fihom direttament ma’ rappreżentanti tal-Knisja f’Malta u tas-Santa Sede biex Malta u l-Vatikan waslu għall-iffirmar tal-ftehim rivedut dwar iż-żwieġ iktar kmieni din is-sena.

George Vella rrefera wkoll għal laqgħa li kellu l-ġimgħa li għaddiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, fl-okkażjoni taż-żjara lill-Papa min-naħa tal-President ta’ Malta George Abela fi tmiem il-kariga tiegħu.

Saħaq li f’isem il-Gvern Malti hu qal lill-Kardinal li l-Gvern jibqa’ tal-fehma kontra d-dħul tal-abort f’Malta minkejja li llum il-ġurnata, mill-istati kollha Ewropej, huma biss Malta u l-Istat tal-Vatikan li għandhom liġijiet kontra l-abort.

Fi tmiem id-diskussjoni llejla fil-Parlament tkellmu wkoll żewġ membri Parlamentari min-naħa tal-Oppożizzjoni, li appellaw lill-Gvern biex fil-pajjiż tibda teżisti l-faċilità li koppji li jiddeċiedu li jidħlu għal żwieġ ċivili biss ikollhom il-possibiltà ta’ taħriġ u tagħlim dwar l-impenn taż-żwieġ.

L-appell min-naħa tal-Viċi Kap tal-PN u Kelliem għall-Ġustizzja Beppe Fenech Adami u tad-deputat Claudette Buttigieg ġie ftit jiem wara appell simili li kien sar mid-deputat min-naħa tal-Gvern, Deborah Schembri