Il-Gvern Malti jgħin proġetti li qed isiru f’pajjiżi fil-bżonn

Sittax-il proġett f’pajjiżi madwar id-dinja rċieva fondi mill-Gvern Malti.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin preżenta fondi li jiffurmaw parti mill-Assistenza Uffiċjali Għall-Iżvilupp, u li huma parti minn nefqa totali li Malta talloka kull sena għal proġetti umanitarji u ta’ żvilupp.

Is-somma totali ta’ €188,130 se tmur għal ko-finanzjament ta’ 16 –il proġett fil-pajjiżi benefiċjarji fil-maġġoranza tagħhom fl-Afrika, kif ukoll fin-Nofsinhar tal-Asja u fl-Amerka Ċentrali. Dawn il-proġetti ser ikunu mwettqa minn voluntiera u fondi t’individwi u għaqdiet Maltin.

Kull applikazzjoni ghall-fondi kienet eżaminata minn Bord Konsultattiv.

Ħafna mill-proġetti huma relatati mal-edukazzjoni, bħal kostruzzjoni ta’ skejjel, ċentri għaż-żgħażagħ u ċentri għas-saħħa fil-Kenja, il-Gana u l-Indja.

Proġett minnhom jikkonsisti fil-providiment tal-ilma u s-sanita’ ta’ kommunita’ żgħira fl-Etjopja. Żewġ proġetti oħra ser jgħinu biex jigu żviluppati l-infrastrutturi mehtieġa għas-saħħa bażika fil-komunitajiet tal-Malawi u l-Guatemala. Proġetti oħra li huma innovattivi ser iseħħu permezz tal-bini tal-fish farms u serrer biex tiġi megħluba in-nuqqas tal-ikel.