“Il-Gvern ma żbaljax dwar vjaġġar lejn il-Libja”

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Gvern Malti fl-ebda ħin u fl-ebda dikjarazzjoni m’għamel stqarrijiet żbaljati.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet minn Alleanza Bidla, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li innota li l-istess Ministeru ġie mgħajjar għax ġedded it-twissija biex il-Maltin jevitaw li jivvjaġġaw lejn il-Libja.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin staqsa għalfejn ġie pospost il-vjaġġ li kellu jsir fil-Libja ladarba Alleanza Bidla hi daqshekk ċerta li t-twissija tal-Ministeru hi maħruġa b’intenzjoni ħażina.
Intqal li l-Gvern Malti ripetutament iddikjara li l-interess aħħari tiegħu huwa li jara l-għaqda fi ħdan il-poplu Libjan filwaqt li qed jimxi mal-linja politika maqbula fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija ntqal li Alleanza Bidla hi skorretta meta qed tgħid li l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed jirrikonoxxu “il-gvern ta’ Tripli.”