Il-Gvern ma tgħallem xejn fuq l-ambjent mill-pandemija tal-Covid-19 – Thake

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-Gvern ma ħa l-ebda pass favur xogħol mid-dar wara l-Covid-19 meta dan hu kruċjali għall-ambjent.

Meta kien qed jitkellem  dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar l-Ambjent u l-Klima, hu qal li l-Gvern qed ikun xħiħ mal-konsumaturi Maltin li għandhom il-pannelli fuq il-bjut tagħhom, hekk kif qed iħallas bis-7ċ3 meta mqabbla mal-11ċ2 – ir-rata li bihom jixtri mingħand l-Electrogas.

Thake spjega li l-prezz mill-interconnector hu bil-5ċ, mill-BWSC bis-7ċ u mill-Electrogas bil-11ċ2 iżda l-familji Maltin li nvestew fil-pannelli qed jingħataw biss 7ċ3.

Karozzi elettroniċi għall-Gvern – Farrugia

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia qal li l-Gvern fdah bi proġett li jbiddel il-karozzi tal-Gvern kollha għall-karozzi elettriċi iżda mhux se jkunu jappartjenu lil xi ministeru partikulari iżda l-Gvern se jkollu pool ta’ karozzi li jaqdu lill-Ministeru kollha.

Dwar it-tariffa li qed tingħata lill-familji li għandhom pannelli, Farrugia qal li l-ispejjeż jiġu mifdija f’erba’ snin waqt fil-bqija tas-snin hu kollu qligħ. Huwa qal li r-rata ta’ 7ċ3 hija l-variable cost tal-Enemalta, waqt li fil-prezz tal-Electrogas hemm ukoll il-multi minħabba l-ġenerazzjoni tal-carbon dioxide.  Huwa qal li l-Gvern jixtri minn fejn hu l-irħas.

Il-Ministru stqarr li l-problema tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-pannelli hi li din tonqos matul il-ġurnata u allura l-Gvern qed jaħseb biex jinvesti f’batteriji biex jaħżen fihom din l-enerġija.

Farrugia qal li flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qed jistudjaw il-possibilità ta’ installazzjoni ta’ floatable wind farms fuq il-baħar.