“Il-Gvern ma kellux joħroġ sejħa għal żvilupp daqshekk massiv”

Front Ħarsien ODZ jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kunsill tas-Siġġiewi kontra l-iżvilupp ta' korsa għat-tlielaq tal-karozzi f'żona barra l-konfini ta' żvilupp magħrufa bħala San Niklaw qrib id-Dar tal-Providenza.
Fi stqarrija, il-Front saħaq li hu kontra kull żvilupp f'siti mhux żviluppati barra miż-żona ta' l-iżvilupp, irrispettivament minn fejn jiġu proposti u jtenni l-appell tiegħu lill-Gvern biex jeskludi kull proposta li tinkludi artijiet bħal dawn mis-sejħa għal espressjoni ta' interess.
Tenna l-pożizzjoni tiegħu li l-Gvern ma kellux joħroġ din is-sejħa fin-nuqqas ta’ studji dwar is-sostenibilità ambjentali ta' żvilupp daqshekk massiv, b’daqs ta’ 100 grawnd tal-futbol.
Front Ħarsien ODZ sostna li jekk il-Gvern beħsiebu jibqa’ għaddej bħal romblu, jinsisti li jippubblika d-dokumenti relatati ma’ din is-sejħa.
Sejjaħ ukoll lil Kunsilli Lokali oħra fejn art ODZ tista’ tiġi identifikata għal żvilupp simili, biex jingħaqdu mal-Kunsill tas-Siġġiewi, fl-oppożizzjoni għal dan it-tip ta’ żvilupp mhux sostenibbli.