“Il-Gvern ma jistax isolvi fi ftit xhur problema li ħoloq il-PN” – Franco Debono

Fid-dawl tal-battibekk bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fl-użu tal-Heavy Fuel Oil (HFO) fl-estensjoni tal-power station f'Delimara, Newsbook.com.mt tkellem mal-Avukat Franco Debono, li s-sena li għaddiet kien ressaq mozzjoni privata fil-Parlament kontra l-użu tal-HFO.

Dakinhar, fit-30 ta' Awwissu tal-2012 Franco Debono, li kien Deputat tal-Partit Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni biex l-estensjoni tal-power station ma titħaddimx bl-HFO.

Dan għaliex kif elenkat fl-istess mozzjoni huwa fjuwil li jinkwina, jikkawża l-mard u huwa ta' detriment għall-ambjent, b'mod speċjali għall-lokalitajiet tal-madwar.

Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, fejn ikkritika lill-Gvern li l-power station se tkompli taħdem bl-HFO, Franco Debono kien ferm kritiku u ma' Newsbook.com.mt sostna li jinsab impressjonat fin-negattiv kif il-Partit Nazzjonalista qed jippretendi li l-problemi tal-HFO li ħoloq hu stess matul l-aħħar 25 sena jiġu solvuti mill-Gvern fi spazju ta' ftit gimgħat.

Mistoqsi jekk hux se jieħu pożizzjoni fir-rigward tad-deċizjoni li se jkompli l-użu tal-HFO, Dr. Debono sostna li issa huwa xogħol ir-rappreżentanti tal-poplu, sostna li meta hu kien deputat u meta l-poplu tah il-fiduċja biex jirrappreżentah fil-Parlament huwa wettaq id-doveri tiegħu fl-aħjar interess tal-kostitwenti u tal-poplu.

Ma' Newsbook.com.mt, Dr. Franco Debono awgura li l-pjanijiet tal-Gvern favur enerġija nadifa jigu implimentati, biex tonqos id-dipendenza miż-żejt u l-power station tuża fjuwil li jħammeġ anqas u fl-aħjar interess tal-ambjent fin-nofsinhar ta' Malta.