Il-Gvern ma jipprojbix velji favur il-ħajja

Persuni kontra l-abort jattendu velja ta' talb favur il-ħajja quddiem klinika tal-abort

Il-Gvern Ingliż irreżista pressjoni biex jipprojbixxi talb favur il-ħajja quddiem kliniċi tal-abort madwar il-pajjiż kollu, fl-Ingilterra u Wales.

Il-Ministru għall-Intern, Sajid Javid qal li diġà teżisti liġi li “tirrestrinġi protesti li jikkaġunaw dannu lil ħaddieħor”. L-Att dwar l-Ordni Pubbliku tal-1986 diġà jagħti poter lill-pulizija li twaqqaf protesti li jistgħu jikkaġunaw “diżordni pubbliku serju” jew jintimidaw lil oħrajn.

Il-Ministru Javid kien taħt pressjoni minn membri parlamentari favur l-abort, biex jimponi żoni madwar kliniċi tal-abort fil-pajjiż kollu, fejn ma jkunux jistgħu jsiru velji ta’ talb favur il-ħajja, minħabba allegazzjonijiet li dawk favur il-ħajja kienu qed jagħtu fastidju lin-nisa li jersqu lejn il-kliniċi.  Dawn l-allegazzjonijiet kienu miċħuda kategorikament minn dawk favur il-ħajja.

Id-distrett ta’ Ealing, f’Londra diġà pprojbixxa dawn il-laqgħat ta’ talb barra l-kliniċi tal-abort filwaqt li awtoritajiet lokali oħra qed jikkunsidraw li jintroduċu miżuri simili.

Aktar kmieni din is-sena, il-predeċessur ta Javid, il-Ministru tal-Intern Amber Rudd kien nieda konsultazzjoni biex ikun ikkunsidrat jekk din il-projbizzjoni għandhiex tkun estiża għall-Ingilterra u Wales kollha.

Iżda l-Ministru Javid sostna li l-introduzzjoni ta’ din il-projbizzjoni mhix risposta proporzjonata għall-allegazzjonijiet li saru kontra dawn il-velji ta’ talb. Hu qal li waqt li fl-eżerċizzju mniedi mill-Ministru ta’ qablu kien hemm allegazzjonijiet ta’ mġiba li tista’ titqies bħala fastidju, “dak li hu ċar mill-evidenza miġbura hu li dawn l-attivitajiet mhumiex in-norma u li fil-biċċa l-kbira tagħhom l-attivisti kontra l-abort huma min-natura tagħhom aktar passivi.”

“Waqt dawn il-protesti isir talb, turija ta’ kartelluni u tqassim ta’ fuljetti. Ftit li xejn kien hemm rapporti ta’ attivitajiet aktar aggressivi minn hekk”, żied jgħid il-Ministru.

Id-deċiżjoni tal-Ministru tal-Intern intlaqgħet tajjeb mill-kampanja “Kun hawn għalija” li hi ffurmata minn ommijiet li huma kontra l-projbizzjoni ta’ dawn il-velji. “Din id-deċiżjoni meqjusa, turi s-sens komuni li aħna ilna ninsistu dwaru mill-bidu,” qalet Elizabeth Howard, kelliema għall-grupp. “Din turi l-impenn tal-Ministru Sajid Javid favur il-libertajiet ċivili fundamentali u tassigura li nisa jkomplu jirċievu l-għajnuna  u l-appoġġ li tant għandhom bżonn. Ifisser li n-nies li joffru dan is-servizz mhumiex kriminali.”