Il-Gvern ma jiċħadx li l-gass qed jinxtara bl-għoli

Il-Gvern mhux qed jiċħad li Malta qed tixtri l-gass bi prezz ogħla minn dak tas-suq, hekk kif indikat minn stejjer ippubblikati mill-ġurnalisti ta’ The Daphne Project.
It-tweġiba tal-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk jikkonfermax dan, kienet biss referenza għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern ġimgħa ilu b’reazzjoni għall-istejjer ta’ The Daphne Project.

The Daphne Project ippubblika li fl-2017 Malta ħallset għexieren ta’ miljuni ta’ ewro aktar milli suppost, minħabba li l-Gvern rabat lill-Enemalta u lill-Electrogas biex jixtru l-gass mill-Azerbajġan.
Il-konsorzju ta spjegazzjoni tal-mod kif bil-kuntratt li ffirma l-Gvern, l-Enemalta u l-Electrogas huma obbligati li fuq perjodu ta’ 10 snin jixtru b’biljun dollaru gass mis-Socar tal-Ażerbajġan.
Minkejja li l-Gvern fl-istqarrija jgħid li l-Maltin qed iħallsu anqas għall-elettriku minn dak li kienu jħallsu fi żmien amministrazzjoni preċedenti, mir-rapporti ta’ The Daphne Project joħroġ li l-prezz għandu jkun inqas.
"Il-familji qed jagħmlu tajjeb għall-flus mitlufa" – Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista
Il-fergħa tal-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalet li l-familji qed jagħmlu tajjeb għall-$40 miljun profitt li xi ħadd għamel f'sena waħda.
Fi stqarrija l-SĦPN staqsiet għalfejn inżamm moħbi l-ftehim għax-xiri tal-gass, bi prezz fiss għall-ħames snin u qalu li dan wassal biex il-konsumaturi u l-familji marru minn taħt.
Spjegaw li dawn l-$40 miljun setgħu marru fi prezzijiet orħos tal-kontijiet tad-dawl għall-familji Maltin u Għawdxin.
L-istqarrija sħiħa tal-Gvern li ħarġet l-Erbgħa 25 ta' April tista' taqraha hawnhekk: