Il-Gvern ma jħallix ġurnalisti jistaqsu f’Kastilja

Il-Gvern ma ħalliex diversi ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti inkluż ta’ Newsbook.com.mt jistaqsu mistoqsijiet lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lanqas lin-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea għal Brexit Michel Barnier. Dan mar kontra l-arranġament li l-Gvern għamel mal-Kummissjoni Ewropea biex kull ġurnalist jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu.

Fi tmiem l-istqarrijiet tagħhom wara laqgħa bilaterali f’Kastilja, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern beda’ jieħu l-ewwel mistoqsijiet mingħand żewġ ġurnalisti iżda mhux il-ġurnalisti kollha ingħataw dan iċ-ċans. Minkejja dan, Newsbook.com.mt staqsa l-mistoqsijiet direttament lin-Negozjatur Ewlieni Michel Barnier fi Pjazza Kastilja ftit tal-ħin wara li ntemmet il-konferenza tal-aħbarijiet.

Filmat: X’se jiġri mill-istudenti Maltin aċċettati għall-Erasmus fir-Renju Unit?

Mistoqsi jgħid għaliex ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt, Times of Malta u Net News ma tħallewx jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal li f’konferenzi tal-Prim Ministru ma’ persuni barranin ikun hemm arranġament minn qabel ta’ kemm-il mistoqsija ssir.

Sorsi mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-arranġament mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien li kull ġurnalist jitħalla jagħmel mistoqsija jew tnejn.

Il-PM ma jaqbilx li l-kummenti tiegħu kienu klassisti 

Il-Prim Minsitru wieġeb mistoqsija dwar il-kummenti tiegħu fid-dibattitu li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt il-programm Xtra lbieraħ filgħaxija. Delia akkuża lill-Prim Ministru qed ikun klassist meta qal li ma jridx lill-Maltin jiġbru ż-żibel. Muscat dalgħodu ċaħad din l-allegazzjoni għaliex fisser li huwa jrid li l-Maltin jaqilgħu paga aħjar.

Wara l-mistoqsijiet tal-ġurnalist minn The Malta Independent u aktar kmieni mistoqsija mill-Malta Today, il-Prim Ministru waqqaf ħesrem il-konferenza tal-aħbarijiet billi ħareġ ‘il barra mill-kamra mill-bieb ta’ wara.

Filmat: “It-tweġibiet qegħdin Londra u mhux l-UE” – Barnier dwar Brexit