Il-Gvern ma jeskludix li jidħol il-privat fi proġett ta’ bini fl-Imsida

Il-Gvern mhux jeskludi “private public partnership” fl-iżvilupp ta’ art fi Triq il-Wied, fl-Imsida, fejn diġà twaqqfet parti minn bini bħala preparazzjoni għall-proġett.
Il-Gvern lanqas ikkommetta ruħu dwar jekk il-proġett hux se jkun għal skop soċjali u għal min irid ikun sid ta’ daru għall-ewwel darba jew inkella jekk partijiet minnu humhiex se jinbiegħu għal skopijiet kummerċjali.
Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli, fil-Parlament, ressaq numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-Ministru responsabbli mis-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia dwar l-iżvilupp ta’ din l-art u l-pożizzjoni tal-Gvern u tal-Awtorità tad-Djar. Fost l-oħrajn id-deputat Nazzjonalista staqsa meta se jinbena u kemm se jiġi jiswa dan il-proġett, kif se jiġi ffinanzjat, u jekk jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pariri legali mogħtija dwar din l-art.
Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Farrugia wieġeb biss li “għadu qed jiġi kkunsidrat x’użu se jsir minn din l-art”. 

Ritratt: mill-Arkivji