Il-Gvern ma jemminx fil-kunsilli lokali – PN; “Il-kunsilli qegħdin fl-aqwa tagħhom” – PL

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed juri kemm ma jemminx fil-kunsilli lokali, billi lbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt id-diskors tiegħu, qal “jekk il-Gvern iħalli f’idejn il-Kunsill ma jiġri xejn” u “il-Kumitati Amministrattivi qatt m’għamlu differenza.”

Fi stqarrija tal-PN iffirmata minn Robert Cutajar, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-kunsilli lokali, ġie spjegat li l-Prim Ministru naqas milli jsemmi li l-Partit Nazzjonalista ressaq dokument bi 80 proposta lill-Gvern sabiex jiġu inklużi fl-abbozz finali tar-riforma li qed tiġi diskussa bħalissa fil-Parlament, li proposti importanti minn dan id-dokument tħallew barra mill-Gvern, u li din ir-riforma mhi se tagħti l-ebda responsabbiltajiet ġodda lill-kunsilli lokali.

Ċittadini bla rappreżentanza – PN; Il-kunsilli mhux tal-bozoz u ċ-ċitazzjonijiet – PL

Żiedu wkoll li l-Gvern ma kkonsultax mal-kunsilli qabel ma daħħal sistema tal-ġbir tal-iskart, li qalgħet xi kritika mingħand il-kunsilli. Il-PN qal li s-sistema tal-infurzar ittieħdet minn idejn il-kunsilli Lokali, għat-twaqqif tal-Aġenzija LESA, li fiha, il-PN allega li hemm in-“nies tal-qalba.”

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa unanimu li l-kunsilli għandhom jissaħħu b’aktar poteri u mhux dawn jitnaqqrulhom.

Il-PL iwieġeb 

Fit-tweġiba tiegħu għal dan, il-Partit Laburista qal li l-kunsilli lokali llum qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex itejbu l-lokalità tagħhom u jħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja tar-residenti. Żied jgħid li l-Gvern żied l-allokazzjoni finanzjarja tal-kunsilli u qed jappoġġjahom b’numru ta’ proġetti kbar.