Cardona fil-limbu dwar il-protezzjoni; l-Ispeaker ‘ma jistax jgħin’

Read in English.

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia mhux se jagħti l-protezzjoni mitluba minn Chris Cardona, il-Ministru li l-ġimgħa li għaddiet issospenda lilu nnifsu. Newsbook.com.mt, bħal-lum ġimgħa kien żvela li Cardona kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Cardona, dalgħodu talab lill-Ispeaker biex tingħatalu protezzjoni, minħabba l-allegazzjonijiet ta’ frame-up fil-konfront tiegħu.

L-Ispeaker wieġeb li filwaqt li jifhem il-preokkupazzjoni tiegħu, għax hi xi ħaġa li hu stess għadda u qed jgħaddi minnha, “ma nistax nara kif nista’ nagħtik xi forma ta’ rimedju”.

Il-Gvern ma ċaħadx li kien frame-up fuqi – Cardona

Cardona qal li huwa kien suġġett ta’ rapporti li l-laqgħa tal-kabinett kienet infurmata b’attentat ta’ frame-up fuqu b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Żied jgħid li filwaqt li rapporti oħra dwar il-laqgħa tal-kabinett ġew miċħuda, il-frame up tiegħu ma ġiex miċħud mill-Gvern.

Chris Cardona stqarr li dan huwa wkoll attakk fuq il-funzjoni kostituzzjonali tiegħu li ħalef għaliha, biex iservi b’lealtà lejn ir-Repubblika ta’ Malta. Żied jgħid li kull attentat li jippreġudika l-funzjoni ta’ MP jeħtieġ azzjoni f’saħħitha u effettiva, fost l-oħrajn mill-Parlament innifsu.