“Il-Gvern m’għandux jintrabat li jixtri aktar elettriku milli l-pajjiż għandu bżonn” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Gvern m’għandux jintrabat li jixtri kwantità ta’ elettriku li jkun aktar minn dak li għandu bżonn il-pajjiż.
Sostna li l-Gvern ma jistax jorbot idejh li jixtri l-enerġija mill-powerstation tal-BWSC, li se tinxtara mill-kumpanija Shangai Electric u jintrabat li jixtri wkoll mill-power station il-ġdida li se tinbena minn Electrogas Malta.
Busuttil qal li l-Gvern irid jagħti l-garanzija li mhux se jkun qed jixtri elettriku bi prezz li jkun għola mis-suq internazzjonali.
Sostna li l-Gvern se jintrabat li jixtri l-enerġija mill-power station il-ġdida għal 18-il sena meta l-prezz għall-Enemalta se jibqa’ fiss għal ħames snin biss.
Huwa għamel referenza wkoll għall-interconnector ma’ Sqallija u kif dan ukoll se jkun qed jipprovdi l-elettriku lil Malta.
Simon Busuttil qal li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni hija waħda ċara, hekk kif il-kumpanija Ċiniża Shangai Electric qed titlob il-garanziji.
Sostna li jekk il-Gvern se jintrabat d’dan il-mod, l-Oppożizzjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tappoġġja l-pjan tal-Gvern dwar l-enerġija.
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat issa m’għadux aktar kredibbli għaliex falla milli jilħaq il-mira stabbilita li l-power station il-ġdida tkun lesta sa’ Marzu tas-sena d-dieħla. Enfasizza li issa mhux f’pożizzjoni li jitwemmen li l-power station se tkun lesta fi ftit tax-xhur wara Marzu.
Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi se jkun qed jindirizza l-Kamra tar-Rappreżentanti dwar il-power station il-ġdida, waqt is-seduta tal-Erbgħa fil-Parlament. 

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, l-Gvern qal li ħadd ma jista’ jifhem x’qed jipprova jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-qasam tal-enerġija.
Il-Gvern sostna li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu fl-2014 għall-familji u se jerġgħu jorħsu għan-negozji fl-2015, mingħajr l-ebda piż żejjed ta’ taxxi.