Il-Gvern lest jirrevedi l-programm tal-IIP imma mhux iwaqqfu

passaport Malti

Read in English.

Il-Gvern Malti sostna li lest li malli l-programm kurrenti taċ-Ċittadinanza b’Investiment (IIP) jilħaq il-massimu tiegħu, il-programm jiġi revedut. Iżda jidher li mhux lest li jwassal dan il-programm fi tmiemu.

Fi stqarrija, il-Gvern Malti qal li qed jiddjaloga mal-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Hu fakkar iżda li ċ-ċittadinanza hi materja ta’ kompetenza ta’ kull stat membru.

Il-Kummissjoni Ewropea kemm-il darba kkritikat skemi tat-tip li jeżistu f’diversi stati membri Ewropej. Ilbieraħ, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Didier Reynders qal li l-Kummissjoni talbet lill-Bulgarija, Ċipru u anke Malta sabiex iwaqqfu dawn l-iskemi ta’ ċittadinanza. Qal iżda li jifhem li din id-deċiżjoni hija f’idejn l-istati membri nnifishom.

Fl-istqarrija tal-lum, il-Gvern Malti qal li beda diskussjoni mal-istakeholders ikkonċernati li lkoll qablu u saħqu li jemmnu bis-sħiħ fi programm ta’ dan it-tip. Fl-istess waqt il-Gvern Malti hu miftuħ għal ideat li jistgħu jtejbu dan il-programm. Il-Gvern qal li Malta kienet katalista biex ġie maħluq dak li ssejjaħ “Expert group on Investor citizenship and residence schemes”. Dan hu grupp immexxi mill-Kummissjoni Ewropea u li flimkien ma’ pajjiżi oħra, il-Gvern Malti jipparteċipa b’mod attiv u kostruttiv billi jpoġġi għad-dispożizzjoni ideat ta’ kif programmi bħal dawn jistgħu jissaħħu. 

Il-Gvern fakkar kif dan il-programm wera kemm hu importanti u kemm jagħti kontribut siewi għas-soċjetà Maltija fis-sitwazzjoni kurrenti tal-pajjiż. Sostna li parti kbira mill-investiment li daħal minn dan il-programm tfaddlet f’każ ta’ ċirkustanzi fejn il-pajjiż jaffaċċja sfidi mhux mistennija, hekk kif ġara dan l-aħħar bil-coronavirus.

Il-Gvern fakkar li l-programm ta’ Malta hu l-uniku wieħed li jinkorpora fih regolatur indipendenti, b’livelli ta’ due diligence li ma jeżistu f’ebda programm ieħor. Riżultat ta’ hekk, applikanti li jkunu rrifjutati minn Malta jmorru jħabbtu l-bibien ta’ pajjiż ieħor.