“Il-Gvern lest jintervjeni jekk il-prezz tal-kera jibqa’ jogħla” – Il-PM

Il-Gvern għadu tal-fehma li jintervjeni sabiex jirregola l-prezzijiet tal-kirjiet, jekk dawn jibqgħu jogħlew u jibqgħu joffru sfidi għal-setturi tal-popolazzjoni Maltija.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt il-laqgħa annwali ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA).
Fost l-oħrajn semma għadd ta’ miżuri li l-Gvern diġà ħa sabiex jgħin lil dawk il-familji li ma jistgħux ilaħħqu mal-kera, bħat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kera u l-introduzzjoni ta’ sussidji. Fi kliem Muscat, dawn kienu miżuri mmirati biex jikkontrollaw il-prezz tal-kera.
Muscat kompla billi qal li jippreferi jara l-prezzijiet tal-kera jiġu rregulati mill-forza tas-suq innifsu u bl-inċentivi tal-Gvern, milli jidħol il-Gvern innifsu biex jirregula l-prezzijiet.
Filwaqt li enfasizza li l-industrija tal-bini kienet u tibqa’ waħda mill-aktar importanti għall-Gvern, semma l-istudju riċenti kkummissjonat mill-MDA li skontu se jiggwida aħjar lill-iżviluppaturi Maltin imorru fejn hemm il-lok għall-iżvilupp.
Mal-PM, kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li rringrazzja lill-MDA talli stinkat biex ittejjeb ir-relazzjoni tagħha mal-partit.
Fost affarijiet oħra, Busuttil wiegħed li jekk ikun fil-gvern, inaqqas it-taxxa fuq dħul u t-taxxa fuq il-kapital lil dawk li jagħżlu li jibnu b’mod sostenibbli, kif ukoll jintroduċi inċentivi lil żviluppaturi li jkunu se jagħtu ħajja ġdida lil inħawi li ntelqu biż-żmien.
Qal ukoll li ladarba fil-gvern jibda l-proċessi sabiex tiġi żviluppata sistema ta’ trejn jew tramm sabiex tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti, irringrazzja lil Muscat u Busuttil talli laqgħu l-istedina tiegħu, kif ukoll talab sabiex titnaqqas il-burokrazija fil-qasam tal-iżvilupp.