“Il-Gvern lest jieħu triq oħra” – Il-PM iwissi lill-bdoti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern lest li jieħu triq oħra jekk il-bdoti, li ddeskrivihom bħala grupp żgħir, jipperikolaw il-futur tal-linja nazzjonali tal-Air Malta.
Waqt attività politika f’Birkirkara il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ntlaħaq qbil mal-ħaddiema kollha tal-Air Malta iżda l-bdoti qed iżommu lura l-istrateġija tal-Gvern li jbiddel lil-linja nazzjonali tal-ajru, fil-linja tal-ajru tal-Mediterran.
Dr Muscat kien iebes meta tkellem dwar il-bdoti u qal li għalkemm kien hemm min qallu li mal-bdoti l-ebda Gvern ma ġabha żewġ, insista li din id-darba mhux se jsir hekk, għax fi kliemu mhu se jħalli lil ħadd jipperikola l-ekonomija Maltija u x-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu.
Insista li l-ħaddiema tal-Air Malta diġà qed jaraw ir-riżultati tal-ftehim li ġie ffirmat iżda saħaq li għad fadal il-kategorija tal-bdoti li fi kliemu għandha responsabbilità kbira fuqha.
Kien għalhekk li żvela dak li l-Gvern qiegħed joffri lill-ħaddiema tal-Air Malta. Filwaqt li spjega kif se jiżdied ix-xogħol, il-Prim Ministru qal li fost affarijiet oħra l-Gvern qed joffri dawn iż-żidiet:

  • First officer b'żieda medja ta’ €72,000 fuq ħames snin
  • Il-Kaptana b’żidiet ta’ €105,000 fuq ħames snin

Spjega kif il-Gvern qed jitlob biss li jiżdiedu s-sigħat waqt li spjega li bħalissa l-bdoti tal-Air Malta jaħdmu n-nofs is-sigħat li normalment jaħdmu l-bdoti l-oħra fl-industrija tal-avjazzjoni.
Insista li “l-Air Malta mhix part time” waqt li spjega kif hemm min jippreferi ma jiħux iż-żieda iżda jibqa' jaħdem l-istess ammont ta' sigħat.
“Qatt ma smajtuni nitkellem hekk,” qal il-Prim Ministru. “Imma l-poplu għandu dritt ikun jaf x’għażliet hemm biex meta l-bdoti jieħdu d-deċiżjoni tagħhom u l-Gvern jieħu tiegħu kulħadd jifhem.”
“Nhar is-Sibt irrid poplu wieħed magħqud fil-Belt Valletta”
Tkellem ukoll dwar il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta 2018 u qal li nhar is-Sibt jixtieq li jara poplu wieħed magħqud fil-Belt Valletta.
Qal li dan kien proġett li beda mill-Partit Nazzjonalista u kompla taħt Gvern Laburista u għalhekk insista li nhar is-Sibt għandha tkun festa ta’ poplu fejn kulħadd igawdi “l-akbar investiment fil-kultura.”
“L-2018 se tkun sena ta’ rekords u suċċessi”
Tkellem fit-tul dwar dawk li sejjaħ is-suċċessi tal-Gvern fejn  fi kliemu, “kull meta naħsbu li wasalna, jirnexxielna mmorru pass aktar ‘il quddiem.”
Kien hawn li saħaq li l-2018 se tkun sena ta’ rekords u suċċessi u insista li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jqassam “il-ġid mal-irkejjen kollha.”
“Qtilna l-marda tad-defiċit”
B’refenza għal dak li qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech dwar il-ftehim tal-Gvern ma’ Vitals Global Healthcare, il-Prim Ministru saħaq li dan il-Gvern qatel il-marda tad-defiċit u mhux se jerġa’ lura għas-sistema tad-dejn.
Minkejja l-aħħar tħassib dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Prim Ministru ddeskriva l-investiment fil-qasam tas-saħħa bħala wieħed bla preċedent.
Tkellem dwar l-enerġija u qal li kieku l-Gvern ma ħax “id-deċiżjoni storika” li jbiddel il-qasam tal-enerġija kieku llum se jogħlew il-prezzijiet tad-dawl għax il-prezz taż-żejt jinsab fl-ogħla livelli.
“Id-dinja tinkwieta u Malta ċkejkna tgħidilhom li aħna għandna garanzija ta’ prezzijiet baxxi…dak huwa s-serħan tal-moħħ,” saħaq Dr Muscat.
"Joseph Muscat jitkellem fuq is-suċċessi meta l-Gvern mifni bl-iskandli" – PN
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li Joseph Muscat għażel li jiftaħar bis-suċċessi iżda  jagħti spjega dwar l-aħħar dettalji li ħarġu fil-beraħ dwar "l-iskandlu Vitals."
Saħaq li Joseph Muscat qed jinjora kollox u l-kulħadd biex jipproteġi lil dawk viċin tiegħu.