Il-Gvern lest jieħu lura l-art fi Triq Żekka jekk l-investigazzjonijiet jirriżultaw f’nuqqasijiet – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li jekk jirriżulta li saret xi ħaġa ħażina fil-każ ta’ esproprijazzjoni ta’ propjetà fi Triq Żekka fil-Belt Valletta, lest li jara li dan ikun irtirat u li jittieħdu l-passi kollha li hemm bżonn.
F’kollegament telefoniku fuq ir-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li tkellem mal-Avukat Ġenerali dwar x’passi għandu jieħu l-Gvern jekk l-investigazzjonijiet jirriżultaw f’korruzjoni u frodi.
Joseph Muscat qal li lest jieħu lura l-assi pubbliċi li ngħataw lil Mark Gaffarena fl-esproprijazzjoni tal-propjetà fil-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ ukoll lil dawk kollha li għandhom informazzjoni dwar nuqqasijiet mid-Dipartiment tal-Artijiet biex jitkellem, anke taħt il-protezzjoni tal-Whistleblower Act.
Żied li l-Gvern irid jifhem sew x’ġara fil-każ tal-esproprijazzjoni iżda jrid iħares lejn dak li kien qed jiġri fl-aħħar snin ukoll, anke taħt Gvernijiet oħra.
Dr Muscat qal ukoll li r-rapporti tal-investigazzjonijet fil-każ ta’ Triq Żekka se jkunu ppublikati.
Il-mexxej Laburista tkellem ukoll dwar grupp ta’ nies li fi kliemu kienu qed jgħaddu informazzjoni interna tal-Gvern lill-Partit Nazzjonalista qabel biss ikunu għaddewha lill-Gvern. Qal li l-Gvern sar jaf b’dawn il-persuni u spjega li filwaqt li jibqa’ jaħdem ma’ kulħadd mhu se jħalli lil ħadd jimmina l-interess tal-pajjiż.
Żied li l-persuni konċertanti jridu jerfgħu r-responsabbilità kif għandha tagħmel ukoll l-Oppożizzjoni.
Dwar il-pensjonijiet, il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma jridx li tiżdied l-età tal-pensjoni u li tiżdied il-bolla, iżda spjega li hemm bżonn bidliet biex il-pensjoni tkun waħda sostenibbli.
Dawn il-bidliet, temm jgħid il-Prim Ministru għandhom jindirizzaw lil dawk li għandhom żewġ xogħlijiet part-time u l-pensjoni minima nazzjonali fost l-oħrajn.  

Reazzjoni PN
F'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista wieġeb billi fakkar lill-Prim Ministru dwar il-prinċipji tad-demokrazija, b'referenza għall-impjegati tal-Gvern li allegatament qed jassoċjaw lilhom infushom mal-PN.
Il-PN sostna li se lest jiddefendi lil kull persuna li tesprimi lilha nfisha.