“Il-Gvern Laburista qed jgħaddi romblu minn fuq il-poplu” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li bħalissa l-pajjiż jinsab f’sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista qed juża’ s-saħħa elettorali tiegħu biex jerġa’ jgħaddi romblu minn fuq il-poplu. Dan qalu fil-kuntest tal-aħħar avvenimenti li seħħew fil-pajjiż b’rabta mal-arresti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Delia kien qed jindirizza attività politika f’Ħaż-Żebbuġ ilbieraħ filgħaxija, fl-okkażjoni tat-38 sena minn meta partitarji laburisti ħebbew għall-każin tal-Partit Nazzjonalista fl-istess lokalità. Delia qal li l-avvenimenti tat-22 ta’ Novembru tal-1981 seħħew f’sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista uża s-saħħa elettorali “biex jgħaddi romblu minn fuq in-nies”.

Spjega li partitarji laburisti ħebbew għall-każin u tefgħu gass tad-dmugħ lin-Nazzjonalisti li kienu magħluqin ġewwa. “17-il persuna kienu ġew arrestati, msawta u ttorturati u wara li damu miżmuma fil-ħabs ġew illiberati minn kull akkuża mill-Qorti,” qal Delia.

B’referenza għal dak li qed jiġri fil-pajjiż bħalissa, Delia qal li Joseph Muscat qed jagħżel li jitkellem għall-Kummissarju tal-Pulizija, għall-Avukat Ġenerali u għall-Forzi Armati ta’ Malta. Dan filwaqt li jibqa’ jiddefendi lil dawk qrib tiegħu minkejja l-allegazzjonijiet serji fil-konfront tagħhom. Sostna li l-Prim Ministru mhux qed iħares l-interess nazzjonali iżda qed jibqa’ jiddefendi lil “min huwa korrott” għas-skapitu tal-ġustizzja.