‘Il-Gvern kompla jkun arroganti u injora r-rakkomandazzjonijiet’ – Casa dwar il-ħatriet

Il-Kap tad-Delegazzjoni u l-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jibqa’ għaddej bil-ħatriet tal-ġudikatura tikkonferma l-interess tal-Gvern li jkompli jaħtaf l-istituzzjonijiet. Huwa saħaq li kif ġara fl-aħħar snin, il-Parlament Ewropew se jkompli jissalvagwardja d-demokrazija u r-rispett tal-liġi, f’Malta.

AQRA: 6 ħatriet ġodda fil-ġudikatura; 3 imħallfin u 3 maġistrati

Fi stqarrija l-Ġimgħa, Casa rreaġixxa għall-ħatriet li saru l-Ħamis ta’ tliet maġistrati u tliet imħallfin ġodda.

AQRA: Filmat: Ġudikanti ġodda; il-PN jgħid li l-Gvern injora l-Kummissjoni ta’ Venezja

Casa saħaq li fil-Parlament Ewropew mhux se jħallu lill-Gvern ikompli jaħtaf l-istituzzjonijiet filwaqt li sostna li se jkompli jkun il-vuċi tan-nies kontra dak li huwa sejjaħ l-arroganza tal-Gvern. Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN insista li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun malajr.

L-Ewroparlamentari rrefera wkoll għar-rapport Greco. Huwa nnotta li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Malti insistiet li għandu jitwaqqaf kumitat li jara kif l-aħjar għandhom jiġu implementati dawn ir-rakkomandazzjonijiet.