Il-Gvern kommess jibni 4 skejjel – PL

Il-Partit Laburista (PL) qal li l-Gvern għadu kommess li jibni skejjel ġodda fil-Qawra, f’Wied il-Għajn, fir-Rabat (Għawdex), u fl-Imsida.

Fi stqarrija il-PL qal li l-Gvern “qed ikompli jaħdem biex l-iskejjel jitjiebu u jisbieħu.” Ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu bżonn iwettaq il-wiegħdiet tiegħu rigward il-bini tal-iskejjel. Il-PN fakkar li l-iskola tal-Qawra kellha tkun lesta fl-2017.

F’risposta għal dan, il-PL qal li mill-2013 ‘il quddiem inbnew skola medja ġdida f’Ħal Kirkop, skola ġdida fil-Kulleġġ San Nikola f’Ħad-Dingli, skola primarja ġdida f’Ħaż-Żebbuġ, u li sar il-bini ta’ skola nazzjonali tal-isport f’Pembroke. Żied jgħid li fl-istess ħin inbena kampus ġdid tal-MCAST f’Għawdex.

Il-PL elenka wkoll numru ta’ postijiet li fih sar xogħol ieħor fosthom alterazzjonijiet u l-bini ta’ blokk ġdid fis-St Margaret College Middle School f’Bormla, il-bini ta’ kindergarten block mal-ġenb ta’ St Claire College Primary School, San Ġwann u l-bini ta’ sular ġdid fil-Maria Reġina College Primary School. Il-PL qal ukoll li kien hemm ukoll “investiment kapitali enormi” fl-MCAST u fl-Universita’ ta’ Malta.