Il-Gvern juża lil Neville Gafà biex jikkordina pushback

Gafà jixhed fl-inkjesta maġisterjali

Miguela Xuereb

Read in English.

Neville Gafà kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li dalgħodu hu xehed bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Maġistrat Mifsud qed imexxi l-inkjesta mitluba mill-għaqda Repubblika dwar ir-rifjut tal-Gvern Malti li jdaħħal fil-portijiet ta’ Malta immigranti li kienu fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta.

“Nikkonferma li matul il-lejl tal-Għid il-Kbir u l-jiem sussegwenti, kont involut f’missjoni sabiex dgħajsa b’51 immigranti irregolari abbord, fosthom 8 nisa u tlett minuri, jiddaħħlu fil-port ta’ Tripoli. Fuq l-istess dgħajsa kien hemm ukoll 5 kadavri,” qal Gafà lil Newsbook.

Spejga li ħa ħsieb ukoll biex dgħajsa bi 30 tunnellata b’ikel u xorb titwassal sal-port ta’ Tripli.

“Ħadt ħsieb ukoll li din id-dgħajsa partikolari ma tkunx ta’ mira għal xi attakk mill-ajru,” qal Gafà.

Gafà stqarr li dan sar fuq struzzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Intalab mill-OPM biex jikkoordina direttament mal-Ministru tal-Intern Libjan kif ukoll mal-Gwardja tal-Kosta Libjana. Spjega li dan sar għaliex kien involut f’dawn it-tip ta’ operazzjonijiet għal dawn l-aħħar tliet snin.

Min-naħa tiegħu Gafà qal li qatt ma ikkordina push backs. Qal li kien jara li dgħajjes b’ immigranti ma jidħlux fl-SAR Malti (iż-żona ta’ salvataġġ).

Filwaqt li Malta, l-Italja, u l-Unjoni Ewropea kienu qed jillatikaw dwar id-drittijiet tagħhom, 12-il persuna tħallew imutu fil-baħar filwaqt li ż-żewġ pajjiżi Kattoliċi kienu qed jiċċelebraw l-Għid il-Kbir.

Is-sit Kattoliku Avvenire enfasizza li l-maġġoranza ta’ dawk li tħallew imutu kienu Kattoliċi. Il-ġurnalist investigattiv Nello Scavo żvela l-uċuħ ta’ sitta minnhom.

Fis-16 ta’ April l-għaqda Repubblika għamlet żewġ denunzji għand il-Kummissarju tal-Pulizija wara allegazzjonijiet li qalu li patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta poġġew ħajjet grupp ta’ immigranti f’periklu fuq il-baħar. Il-Prim Ministru Robert Abela kkundanna t-talba biex issir investigazzjoni. Abela appoġġja lill-armata li qal li spiċċat ‘ipparalizzata’ minħabba l-inkjesta li qed issir mill-qrati.