Il-Gvern jordna evalwazzjoni tal-iskema tal-frott u ħaxix fl-iskejjel

Il-Gvern se jkun qed jevalwa l-iskema tat-Tqassim tal-Frott, Ħaxix, u Ħalib fl-iskejjel wara l-kritika li qalgħet l-istess skema.
Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Gvern qal li se jevalwa l-iskema biex jara kif “tista’ tiġi mtejba minn aspett aktar ħolisitiku”.
Il-Gvern qal li ħa nota tar-reazzjoni tal-pubbliku u tal-għalliema dwar l-iskema.
L-iskema kienet tnediet mis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri għall-iskejjel tal-primarja.
Bosta ġenituri u għalliema kkritikaw b’mod aħrax is-sistema l-ġdida tal-frott u l-ħaxix b’xejn fl-iskejjel wara li nstab li dawn qed ikunu ppakkettjati f’kontenituri tal-plastik kif ukoll qed jintużaw straws tal-plastik.
L-attivista għall-ambjent minn Malta Clean Ups, Cami Appelgren qalet li l-Ministri u d-dipartimenti kkonċernati qablu li l-iskema tal-frott u l-ħalib fl-iskejjel mhix waħda ideal.
Il-Partit Nazzjonalista kien qal li t-tfal jixirqilhom aħjar minn “servizz fl-iskejjel li reġa’ ddaħħal bl-għaġla mill-Gvern qabel tintemm is-sena skolastika.”
L-evalwazzjoni se tkun qed issir mill-Ministeri għall-Ambjent u dak għall-Edukazzjoni.