Il-Gvern jonfoq €6,500 kuljum għal vapur tas-Supreme Cruises bl-immigranti

Read in English.

Il-Gvern b’kollox ħallas €15,500 kuljum meta uża erba’ dgħajjes biex iżomm lill-immigranti ‘l barra minn xtutna.

Dan ħareġ minn mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li staqsa lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri biex jippubblika l-kwotazzjonijiet li nġabbru għall-użu ta’ dgħajjes għall-immigranti.

Huwa kkonferma li d-dgħajjes tal-Captain Morgan inkrew għall-valur ta’ €3,000 kuljum filwaqt li d-dgħajsa Jade ta’ Supreme Cruises inkriet bid-doppju tal-prezz li huwa ta’ €6,500 kuljum.

Mill-Captain Morgan inkrew l-Europa II li nżammu fuqha 57 immigrant, l-Atlantis b’105 immigrant u l-Bahari li fuqha nżammu 121 immigrant. Dan minħabba li għal 40 jum, il-Gvern żamm lill-immigranti fuq dawn id-dgħajjes minħabba li l-portijiet Maltin baqgħu magħluqin.

Il-Ministru Camilleri kien evażiv meta tkellem dwar żewġ kumpaniji oħra li ma ssottomettewx il-prezz tagħhom minħabba li qal li ma kinux jew ma baqgħux interessati li joffru dan is-servizz lill-Gvern.

F’sensiela oħra ta’ mistoqsijiet parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Mario Galea, l-istess Ministru kien qal li l-Gvern qed jipprovdi l-ikel lill-immigranti filwaqt li l-fuel u l-ekwipaġġ tad-dgħajjes tal-Captain Morgan huma mħallsin mill-kumpanija skont l-arranġament li l-Gvern għamel magħhom.