
Aktar minn €24,000 ntefqu mill-Gvern f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-aħħar pakkett finanzjarju b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus. Il-konferenza saret fit-8 ta’ Ġunju li għadda.
Din l-ispiża hija d-doppju ta’ konferenza tal-aħbarijiet simili li kienet saret xahar qabel meta tħabbru inċentivi għan-negozji.
Fi tweġiba parlamentari, il-Prim Ministru ta dettalji ta’ kif kienu mqassma l-ispejjeż, bl-ikbar spiża tmur għall-istejġ u l-platform li swew €10,000.
Il-Prim Ministru qal li “l-ispiża biex ġiet ippreżentata lill-poplu din l-akbar injezzjoni ekonomika li qatt ta Gvern fl-istorja ta’ Malta, ammontat għal €24,411.50.”
L-ispiża kienet imqassma hekk:
- €10,000 għal stejġ u platforms;
- €7,000 għal LED screens;
- €2,489 għad-dwal;
- €2,420 għal tapit;
- €1,495.50 għas-sound u
- €1,007 għas-siġġijiet.
Il-kuntratturi ngaġġati kienu:
- RVC Ltd;
- Nexos Lighting & Video;
- TEC Ltd;
- iCreate Ltd;
- Besteam Audio Ltd u
- iStage Ltd.
Il-mistoqsija parlamentari saret mid-deputat Nazzjonalista Ryan Callus.
Fi tweġiba simili, f’Mejju li għadda, il-Prim Ministru kien qal li f’konferenza tal-aħbarijiet simili f’lukanda ewlenija li saret minnu flimkien mal-imsieħba soċjali, kienu ntefqu ‘l fuq minn €12,000.