Il-Gvern joħroġ ir-4 bastiment; se jospita 77 immigrant

Archives: AFM

Read in English.

Il-Gvern illum ikkummissjona r-raba bastiment li fuqu se jkunu qed jinżammu 77 immigrant ieħor.

Dan kien ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hu spjega li r-raba bastiment se jżomm lis-77 immigrant, li huma kollha rġiel. Dawn kienu salvati waqt ħidma mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Hu ntalab jikkonferma kemm hemm persuni li bħalissa jinsabu fuq bastimenti simili ‘l barra mill-kosta Maltija. Spjega li s’issa hawn total ta’ 443 persuna fuq il-baħar jistennew soluzzjoni Ewropea.

Hekk kif il-bastimenti tal-Captain Morgan jidher li qed jintużaw kollha kemm huma, il-Gvern kellu jdur għal dawk ta’ operator ieħor, Supreme Cruises biex jopera bastiment bl-istess mod.

Dwar jekk il-Forzi Armati ta’ Malta hux se jkunu qed jintervjenu biex jgħinu lit-48 immigrant li kienu rrappurtati f’riskju li jgħerqu llum, il-kelliem qal li l-Gvern u l-AFM jagħmlu mal-erba’ koordinazzjonijiet ta’ salvataġġ kuljum.

Il-Gvern s’issa kien qed iħallas €3,000 kul ġurnata għal kull bastiment tal-Captain Morgan. Dan kien ħabbru fil-Parlament il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri. It-tielet bastiment kien beda jiffunzjona nhar it-22 ta’ Mejju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn