Il-Gvern joħroġ aktar Savings Bonds

L-Accountant General ħabbar it-tieni ħruġ sa massimu ta’ €30,000,000 tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta. Dan il-Bond qiegħed jiġi offrut: 
        i.             lill-individwi li twieldu fl-1955 jew qabel li ma pparteċipawx fil-ħruġ ta’ Settembru 2017; u
      ii.            lill-applikanti li fl-ewwel ħruġ ta’ dan il-bond, applikaw għall-ammont ’il fuq minn €5,000 u l-ammont ma ġiex allokat kollu.
Il-ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ta’ Ottubru 2017 qiegħed jiġi offrut b’termini u kundizzjonijiet simili għal dawk tal-ħruġ ta’ Settembru 2017.
Il-Bond jgħaddi imgħax b’rata fissa ta’ 3% fis-sena għall-perjodu sakemm il-Bond jimmatura fis-sena 2022. Il-Bond li qed jinħareġ b’parità f’unitajiet ta’ €100 u ma jistax jiġi negozjat, assenjat jew trasferit lil xi individwu ieħor u ma jistax jingħata bħala rahan.
L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b’lura fit-13 ta’ Marzu u fit-13 ta’ Settembru ta’ kull sena matul il-kors tal-Bond. Detenturi tal-Bondjistgħu jirtiraw l-ammont kollu investit qabel id-data tal-maturità soġġett għall-ħlas ta’ penali għall-fidwa bikrija ekwivalenti għall-tliet xhur imgħax gross fuq il-kapital irtirat bir-rata ta’ imgħax li jgħaddi l-Bond.
L-applikazzjonijiet tal-applikanti l-ġodda jistgħu ikunu magħmula sa massimu ta’ €10,000 u minimu ta’ €500.  Dawn l-applikanti jiġu soġġetti għall-istess allocation policy applikata għall-applikanti tal-ewwel ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta, sakemm meta tiġi applikata din l-allocation policy għall-applikanti ġodda li jipparteċipaw fit-tieni ħruġ, tintlaħaq jew tinqabeż is-somma ta’ €30 miljun.
 Applikazzjonijiet jiftħu t-Tnejn 16 ta’ Ottubru fit-8.30 am u jagħlqu fil-5pm tal-istess jum, jew qabel fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.
Aktar tagħrif hawn.