Il-Gvern jixtri 49% tal-Lombard mill-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza

Il-Gvern ta’ Malta permezz tal-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali (NDSF) xtara 49% tal-kapital tal-ishma tal-Bank Lombard.

L-istqarrija tal-bankl tispjega li l-Lombard Bank plc. ilbieraħ irċieva notifika mill-NDSF li l-kundizzjonijiet kollha tal-Ftehima ta’ Xiri ta’ Ishma bejn l-NDSF u l-Bank Popolari ta’ Ċipru (CPB) kienu milħuqa, inkluża l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija tas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-akkwist tal-ishma tal-Bank mill-NDSF.

L-NDSF innotifika lill-Bank li t-trasferiment tal-ishma bejn l-NDSF u s-CPB skont il-Ftehima tax-Xiri tal-Ishma seħħet ilbieraħ permezz ta’ tranżazzjoni off-exchange.

L-NDSF irrimarkat ukoll li mhix fi ħsiebha żżid is-sehem tagħha fil-bank u mhix se taġixxi flimkien ma’ azzjonisti oħra u se tfittex li tnaqqas is-sehem tagħha fil-Bank b’mod ordinat meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu jippermettu bi ftehim mal-awtoritajiet regolatorji. L-NDSF qalet ukoll li dan ma jfissirx li hija se tikkontrolla l-Bank.