Il-Knisja tgħaddi lill-Gvern 191 sodda għall-anzjani

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

Il-Gvern iffirma ftehim mal-Kurja biex jixtri 191 sodda għall-anzjani mingħandha b’investiment ta’ €12-il miljun fuq tliet snin. Dawn l-anzjani jkunu qed jingħataw serivizz ta’ respite.

Dan tħabbar illum waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis. Spjega li dan ifisser li l-Gvern se jkun qed jixtri 76% tas-sodod li għandha l-Kurja mifruxin f’erbat idjar.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross qal li l-Knisja qed tkompli tinvesti fl-anzjani, fir-riżorsi umani, u fit-titjib tal-bini. Spjega li l-ftehim għandu jħalli aktar dħul biex il-Knisja ttejjeb is-servizzi tagħha.

Ħabbar li f’Casa Leone, San Ġiljan, se jinbena sular ieħor, filwaqt li f’Dar Saura, fir-Rabat, u f’Dar Sant’Anna, l-Isla, se jsir proġett estensiv ta’ ristrutturar u rinovar. Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tinħatar home manager ġdida f’Holy Family Home, in-Naxxar, filwaqt li l-ħaddiema fid-djar tal-Knisja għall-anzjani se jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom permezz ta’ Ftehim Kollettiv ġdid.

Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija Mons. Charles Cordina qal li hija ħaġa sabiħa li l-Gvern qed jgħin biex itaffi l-operat tal-Knisja. Żied jgħid li permezz tal-ftehim, anzjani li m’għandhomx biżżejjed flus biex iħalsu għal dar privata jkunu jistgħu jsibu post f’waħda mid-djar tal-Knisja.

Qal li l-Knisja dejjem tfittex li tgħin lil min hu dgħajjef u vulnerabbli, bħal ma tagħmel ukoll mal-anzjani li jkollhom bżonn l-assistenza biex jgħixu bid-dinjità li jixirqilhom. Huwa qal li l-Papa Franġisku kontinwament ifakkar fl-anzjani u f’kemm ħafna drabi dawn isibu ruħħom imwarrba u minsija.