Il-Gvern jivvota kontra emendi fil-liġi li jipproteġu lill-ġurnalisti

Skont il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, ma setgħux isiru emendi kontra l-iSLAPP fl-Abbozz tal-Liġi dwar il-Midja u d-Defamazzjoni għax imorru kontra regoli tal-Unjoni Ewropea (UE), emendi li l-Gvern ivvota kontrihom.
Dawn il-kummenti Bonnici għamilhom quddiem il-Kumitat tal-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi tal-Liġi.
Il-mozzjoni kienet tressqet mill-Oppożizzjoni, bl-iskop li ssir emenda fil-liġi biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lill-midja lokali milli jkollhom jiffaċċjaw kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tagħhom permezz ta’ kawżi magħrufa bħala SLAPP – Strategic Lawsuits Against Public Participation.
Waqt li kien qed jippreżenta l-emendi, il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi semma’ l-eżempju tal-każ li fetaħ Pilatus Bank kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Skont Azzopardi, sentenzi dwar libelli fi qrati barranin kienet xi ħaġa li tmur kontra l-interessi tal-ġurnalisti.
Skont Azzopardi, l-iSLAPP għandha effetti tat-tkexkix fuq dawk li jinvestigaw l-korruzzjoni.
Il-Ministru Bonnici qal li skont il-pariri legali tal-Professur Ian Refalo, Dr Paul Cachia, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, u l-kumpanija tar-Renju Unit Bird & Bird l-emendi kienu jmorru kontra l-liġi tal-UE. Dawn il-liġijiet jobbligaw stati membri tal-UE biex jirrikonoxxu sentenzi li jinqatgħu fi stati membri oħra.
Skont il-pariri legali li rċieva Bonnici, il-liġi ta’ Malta diġà toffri protezzjoni għal dawk li jsirulhom akkużi kontrihom fi qrati barranin.
Skont Jason Azzopardi, l-Konvenzjoni Lugano tippermetti eċċezzjonijiet għal stati membri biex ma jkollomx għalfejn jirrikonoxxu sentenzi li jmorru kontra l-ordni pubblika u l-politika pubblika.
Skont l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-liġi tal-UE dejjem tiġi nterpretata skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Qal li diġà sar l-argument li l-iSLAPP tmur kontra d-dritt tal-espressjoni.
Il-Ministru Bonnici kkritika l-Oppożizzjoni talli ma fittxitx pariri legali dwar l-emendi.
Il-MPs tal-Gvern ivvutaw kontra l-emendi kontra l-iSLAPP.
SLAPP tista’ twassal għal falliment tal-midja – IĠM
Fi stqarrija, L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li “jħoss li għandu jibqa' jappella biex is-sitwazzjoni tkompli tkun studjata biex jinstab mezz kif il-liġi domestika tista' tkun applikata biex it-theddida tas-SLAPP, li tista' twassal għal falliment ta' kull midja lokali, tkun evitata.”
Il-Gvern jgħin lill-għedewwa tal-ġurnaliżmu – Awturi
L-għaqda Awturi ta’ Malta ġdida qalet li l-Gvern se jgħin l-għedewwa tal-ġurnaliżmu ħieles u l-ġurnaliżmu investigattiv, billi jopponi proviżjonijiet kontra l-iSLAPP.
Skont l-Awturi, bil-kontra tal-ispin li jingħad minn xi wħud, l-ispirtu u l-liġi tal-UE jirriflettu l-bżonn għal miżuri kontra l-iSLAPP.