Il-Gvern jitlob lill-Pulizija tinvestiga lil Neville Gafà

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin talab lill-Korp tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet ta’ theddid li għamel l-eks impjegat fl-OPM Neville Gafà fil-konfront tal-ġurnalist investigattiv Taljan Nello Scavo.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, Gafà qal li sal-ħin li nkiteb dal-artiklu kien għadu ma ssejjaħx mill-Pulizija biex jinterrogawh. Lanqas ma ntalab jagħti spjegazzjoni lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ dak li kiteb.

Nello Scavo ilu jaħdem fuq stejjer marbutin mat-tbatija li jsofru l-immigranti fil-Mediterran f’isem il-midja Kattolika L’Avvenire, flimkien ma’ ġurnalisti internazzjonali oħra minn The Guardian u The New York Times fost l-oħrajn, inkluż Newsbook.com.mt.

Id-diskussjoni fil-Parlament Taljan

Newsbook.com.mt jista’ jiżvela li fis-seduta parlamentari Taljana tas-17 ta’ Lulju, 2020, issemmiet il-kwistjoni tat-theddid li għamel Neville Gafà. Alessandra Ermellino tkellmet dwar it-theddid li jaffaċċjaw il-ġurnalisti, u semmiet lil Scavo fosthom. Wissiet li jekk il-ġurnalisti jikkunsidraw li jivvjaġġaw lejn Malta, għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet, u m’għandhomx imorru mingħajr il-preparazzjoni u l-prekawzjoni meħtieġa (altrettanto da Malta, per quanto sconsiglierei comunque a chi si avventura in questi Paesi di andarci senza un grado sufficiente di preparazione e di precauzione). Staqsiet jekk il-Gvern Taljan hux se jitlob lill-Gvern Malti jieħu passi fuq dan il-każ.

Hu u jwieġeb f’isem il-Gvern, Gianluca Castaldi rrefera għat-theddid li sar lil Nello Scavo minn “persuna qrib il-Gvern” (“Nello Scavo, minacciato da un personaggio ritenuto contiguo alle autorità di Governo maltese”).

Castaldi kkonferma li Scavo tqiegħed taħt protezzjoni tal-Pulizija. Żied jgħid li taħt l-amministrazzjoni ta’ Robert Abela, Gafà ma ngħata l-ebda kariga partikolari. Spjega li filwaqt li ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni uffiċjali mal-Gvern Malti, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti tkellem informalment mal-Ambaxxata Taljana fil-Belt Valletta u kkundanna dan it-theddid. Il-Ministeru assigura lill-Ambaxxata li se tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq il-każ. (Pur non risultando comunicati ufficiali da parte del Governo maltese, il Ministero degli Esteri maltese in contatti informali con la nostra ambasciata a La Valletta, ha stigmatizzato l’episodio delle dichiarazioni citate dagli onorevoli interpellanti, assicurando che sarebbe stata avviata l’apertura di un’indagine a cura della magistratura locale). Castaldi kkonkluda li jekk ma jkunx hemm riżultati minn din l-inkjesta fil-ġimgħat li ġejjin, se ssir pressjoni ġdida fuq il-Gvern permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

It-theddid

Qam furur fuq il-midja soċjali meta l-eks ħaddiem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Neville Gafà, deher li qed jhedded lill-ġurnalist veteran internazzjonali Nello Scavo. Dan ġara lejn tmiem Ġunju li għadda. Il-ġurnalist Taljan jinvestiga pushbacks li jsiru fil-kampijiet ta’ konċentrament Libjani fuq immigranti mill-kontinent Afrikan. Fix-xogħol investigattiv tiegħu, Scavo żvela sistema li tikkastiga lill-umanità f’isem il-legalità.

Fit-tweġiba tiegħu għal tweet ta’ Scavo, Gafà qal: “Waqqfu n-negozju maħmuġ. Jekk le, aħna se nwaqqfukom.” Din it-tweet kienet indirizzata lil Scavo, lill-għaqda Alarm Phone u lil Rescue Med. Meta Scavo staqsa għal min qed jirreferi Gafà b'”aħna,” ma rċieva l-ebda tweġiba. It-tweet ta’ Gafà dehret stramba meta wieħed iqis li ftit jiem qabel, huwa ċanfar lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo talli faħħar lill-Gvern Libjan.

Gafà jammetti dwar il-pushbacks

Gafà okkupa diversi karigi meta Joseph Muscat kien Prim Ministru: minn kariga ta’ customer care fil-Ministeru tas-Saħħa għal involviment fil-kwistjoni tal-ħruġ ta’ viżas mediċi, skont whistleblower.

Taħt ġurament, Gafà ammetta li kkordina pushback ta’ 51 immigrant fuq struzzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-aħħar xhur. Fit-tweġiba tiegħu lil Newsbook.com.mt, Gafà ma identifikax min kienet il-persuna li tatu dawn l-istruzzjonijiet. Il-ġurament sar quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li kien qed jisma’ l-każ kriminali mressaq mill-NGO Repubblika.

Gafà qal lil din il-kamra tal-aħbarijiet li ilu jikkordina pushbacks għall-aħħar tliet snin. Aktar tard ikkjarifika li ma kkordinax pushbacks imma żgura li d-dgħajjes ma jidħlux fiż-żona ta’ salvataġġ Malti.

It-tweġiba sħiħa ta’ Neville Gafà

Fid-dawl ta’ din l-aħbar, li l-Ministeru ordna lill-Pulizija biex tinvestiga lil Gafà, Newsbook.com.mt ikkuntattjah għar-reazzjoni tiegħu. Scavo rreaġixxa għal din ir-reazzjoni ta’ Gafà u qal li mhux sorpriż bit-ton li dan uża: “I am not surprised at the tone used by Gafà. With all the evidence which our work has dug up, we have stirred the waters especially with the recent investigations on the illegal export of oil from Libya”.