Il-Gvern jitlob lill-PAC jinvestiga r-rapport tal-AĠ; Jason Azzopardi jilqa’ l-investigazzjoni

Il-Grupp Parlamentari Laburista fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi talab lill-Kumitat jinvestiga l-każijiet tal-Fekruna u ta’ 83, Triq Spinola San Ġiljan. Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi laqa’ l-investigazzjonijiet.
Fil-jiem li għaddew, l-Awditur Ġenerali ppreżenta quddiem il-Parlament rapport bl-investigazzjonijiet tiegħu dwar tranżazzjonijiet li saru mill-amministrazzjoni Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Jason Azzopardi.
F’ittra liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, id-Deputati laburisti kitbu li l-Awditur wera li kien hemm nuqqas ta’ governanza tajba, trasparenza fit-tranżazzjonijiet u ndħil politiku.
Huma talbu lill-kumitat biex jisma’ evidenza u jara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li dawn mhumiex l-ewwel żewġ każijiet li fihom hemm Jason Azzopardi. Żied jgħid li ma’ dawn hemm ir-rapporti wkoll fuq l-art tal-Lowenbrau, il-bini tal-HSBC fil-Belt Valletta u l-encroachments qabel l-elezzjoni.
Min-naħa tiegħu Jason Azzopardi qal li b’sodisfazzjon jilqa’ t-talba tad-Deputati Laburisti, għax fi kliemu, ir-rapporti tal-Awditur juru li fl-ebda ċirkostanza ma kien hemm indħil politiku u qatt ma kien hemm kuntatt bejn il-politiċi u s-sidien tal-art inkwistjoni.
Fi stqarrija qal li l-verità m’hemmx isbaħ minnha u għalhekk iħares ’il quddiem biex issir analiżi taż-żewġ rapporti.