Il-Gvern jipprova jiftiehem mal-għalliema

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab lill-Unjin Maltija tal-Għalliema għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni biex jiddiskutu mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-għalliema.
L-MUT ġiet mgħarrfa mis-Segretarju Permanenti għall-ministeru.
Fi stqarrija ntqal li hemm qbil bejn il-Gvern u l-MUT li jeħtieġ tissaħħaħ il-professjoni tal-għalliema l-iskejjel b’pakkett finanzjarju b’saħħtu, b’iktar opportunitajiet u bi progressjoni aktar mgħaġġla fil-karriera tagħhom, kif ukoll b’kundizzjonijiet xierqa għall-għalliema u għall-edukaturi kollha.
"Iċ-ċifri li dehru fil-midja mhumiex reali" – il-Gvern
Ilbieraħ il-ministeru fi stqarrija oħra ried jiċċara dak li qal ġie ppubblikat mill-midja dwar iċ-ċifri li l-Gvern kien ippropona lill-MUT, liema ċifri l-MUT ma qablitx magħhom u sejħet għall-istrajk tat-8 ta’ Novembru.
Qal li ċ-ċifra msemmija fil-midja mhix reali daqskemm verament ippropona l-Gvern.
Biex jagħti eżempju, semma l-allowances li se jirċievu l-għalliema kollha, li qal li se jittriplaw, minkejja li l-istadju tad-diskussjoni għadu mhux konklużiv.
“Il-Gvern irid iħaffef il-progressjoni fil-gradi kollha tal-għalliema u se jkollhom opportunitajiet ġodda fil-progress tal-karriera tagħhom li tasal tkompli ssaħħaħ il-paga tagħhom ukoll”, żied il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Temm jgħid li apparti pakkett finanzjarju mistħoqq għall-għalliema, il-Gvern kommess ukoll li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra biex jissaħħaħ il-valur ta’ din il-professjoni għall-ġid tat-tfal.