Il-Gvern jistma li l-familji se jiffrankaw €500 għal kull wild mit-trasport

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda White Paper għal proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar trasport b’xejn u b’superviżjoni għall-istudenti kollha li jattendu skejjel obbligatorji tal-istat, tal-knisja, u dawk indipendenti.
Il-Gvern qal fi stqarrija li dan is-servizz se jkun qed jinkludi għall-ewwel darba lit-tfal tal-kindergarten ukoll.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Evarist Bartolo tenna li l-Gvern se jkun qed jalloka minimu ta’ €24 miljun għal din l-inizjattiva. Qal li l-familji se jkunu qed jiffrankaw medja ta’ €500 għal kull wild. 
Dan il-proċess se jibda mal-ftuħ tas-sena skolastika 2018/2019 u mistenni li jkun varat b’mod komplet f’kull skola matul l-istess sena skolastika.
Għas-superviżjoni, il-Gvern se jippubblika sejħa ta’ interess volontarja u bi ħlas għall-edukaturi kollha.
Fi stħarriġ mill-kumpanija Grant Thornton, ikkummissjonata mill-Gvern, jirriżulta li bil-proposta li fiha l-akbar investiment, l-użu tat-trasport organizzat se jiżdied b’14,000. Fi skejjel mhux statali, dan se jlaħħaq id-90% tal-istudenti, ġaladarba jkun bla ħlas u b’superviżjoni.
Bid-dħul ta’ dan il-proġett, fil-każ ta’ skejjel tal-istat, għalkemm jista’ jkun hemm xi tibdil żgħir fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel, l-ebda skola mhi se tkun qed tiftaħ aktar tard mit-8:30 ta’ filgħodu, li jfisser li d-differenzi fil-ħinijiet mhux se jkunu ta’ aktar minn nofsiegħa.
Kull minn jixtieq iwassal is-suġġerimenti tiegħu dwar il-konsultazzjoni pubblika jista’ jagħmel dan billi jibgħat e-mail fuq transportconsultation.mede@gov.mt jew ittra lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sa nhar it-Tnejn, 26 ta’ Marzu 2018.