Il-Gvern jistieden sponsors privati għall-Presidenza Maltija tal-UE

Il-Gvern qed jistieden entitajiet kummerċjali biex ikunu parti mill-Presidenza Maltija tal-UE fl-2017.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea, Ian Borg, qal li l-Presidenza se tagħti opportunità lill-entitajiet lokali biex jesponu l-prodotti tagħhom waqt il-200 laqgħa li se ssir f’Malta bis-sehem ta’ madwar 11,000 delegat.
Semma’ kif mal-15,000 delegat ieħor se jkunu qed jattendu għal laqgħat fi Brussell, il-Lussemburgu u Strażburgu.
Ian Borg kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, fejn se jsiru l-attivitajiet prinċipali tal-Presidenza.
Għal dan il-għan għaddej proċess ta’ rinnovar fil-Palazz fejn fost l-oħrajn qed tiġi attrezzata kamra għall-plenarja, qed jitfasslu faċilitajiet għall-midja, swali għall-konferenzi, kmamar għal-laqgħat bilaterali u uffiċċji għall-impjegati tal-Presidenza.
Laqgħat tekniċi u konferenzi se jsiru f’lukandi ewlenin u f’binjiet storiċi waqt li laqgħa minn kull 10 se ssir f’Għawdex.
B’mod parallel, se jiġi organizzat programm kulturali minn V18 u mill-Kunsill Malti tal-Arti waqt li d-disinn tal-logo tal-Presidenza tħalla f’idejn l-istudenti tal-MCAST.
Spjega kif sar eżerċizzju sabiex jiġu impjegati Senior Policy Officers u Policy Officers fl-Uffiċċju tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-UE fi Brussell biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-Presidenza. Se jingħata wkoll taħriġ għall-uffiċjali li se jkunu involuti fix-xogħol tal-Presidenza, fi Brussell u f’Malta, speċjalment b’rabta mal-ħiliet meħtieġa għal-laqgħat.
Ian Borg semma kif il-pubbliku se jinżamm infurmat b’kampanja informattiva li tfiehem kif il-pajjiż se jintlaqat mill-Presidenza tal-UE.