“Il-15-il mewt” hija żball tal-ECDC

Aġġornat 08:16 PM

Pożittiv għall-Covid-19 wara li miet f'inċident f'Ħal Far

swabbing center

Read in English.

Il-Gvern qal li jinsab f’komunikazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa wara li din l-għaqda internazzjonali kitbet li f’Malta mietu 15-il persuna bil-Covid-19. Sa issa l-istatistika uffiċċjali tal-Ministeru għas-Saħħa turi li f’Malta mietu 14-il persuna bil-coronavirus.

Korrispondenza li ra Newsbook.com.mt mal-ECDC tindika li l-iżball sar mill-għaqdiet internazzjonali fejn skużaw ruħhom mal-awtoritajiet Maltin.

Aktar tard, il-Gvern fi stqarrija għamel referenza għal din il-korrispondenza u qal li rappreżentant tal-ECDC, is-sit li rrapporta dan in-numru bi żball, bagħat komunikat formali lill-Ministeru għas-Saħħa jiskuża ruħu f’isem l-istituzzjoni, fejn spjega li dan kien purament żball tal-kitba (typo) min-naħa ta’ min iniżżel in-numri fuq is-sit. Huwa spjega li ta’ kuljum dan is-sit jaġġorna, manwalment, in-numri tal-COVID-19 t’iktar minn 200 pajjiż u li għalhekk dan kien żball ġenwin.

Aktar kmieni, dan is-sit irrapporta kif kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa assigurat lil Newsbook.com.mt li ma kienx hemm mewta ġdida relatata mal-Covid-19. Stqarret li l-Gvern jinsab f’korrispondenza mal-WHO biex jivverifika minn fejn waslitilhom dik l-informazzjoni.

Pożittiv għall-Covid-19 wara li miet f’inċident f’Ħal Far

Intant, l-istess kelliema qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-persuna li miet wara inċident fiċ-ċentru magħluq ta’ Ħal Far irriżulta pożittiv għall-Covid-19 wara mewtu. Hija spjegat li fl-ebda statistika madwar id-dinja ma jżidu dawn il-każi mal-istatistika tal-persuni li mietu bil-coronavirus peress li l-kawża tal-mewt tkun dik tal-inċident u mhux ikkawżata minħabba kumplikazzjonijiet tal-Covid-19.

L-iżball fl-istatistika

Fiċ-ċifri ppubblikati mill-Gvern fis-7 ta’ Settembru jingħad li kien hemm 37 każ ġdid filwaqt li fiċ-ċifri ppubblikati ftit sigħat wara l-WHO qalu li nstabu 62 każ attiv fil-perjodu tal-24 siegħa ta’ qabel. 

Jindikaw ukoll li sas-2am tal-bieraħ 8 ta’ Settembru kien hemm 15-il vittma bil-Covid iżda jirriżulta li ftit sigħat wara, fir-rendikont li ħareġ ilbieraħ il-Gvern ingħad li kien hemm 14-il vittma u b’hekk l-ebda mewta ġdida bil-Covid-19 ma kienet irrappurtata.

L-istatistika tal-Gvern ippubblikata llum
63 każ ġdid tal-coronavirus; 7 minnhom fi djar tal-anzjani