Il-Gvern jirribatti lil Salvini dwar l-immigranti

Arkivji - AFM

Il-Gvern ta’ Malta fakkar lid-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini li Malta kienet diġà kkoordinat l-ewwel eżempju ta’ riallokazzjoni volontarja intra-UE mill-bastiment Lifeline. Dan intqal fi  stqarrija maħruġa mill-Gvern ta’ Malta wara allegazzjonijiet tal-Ministru Salvini. Il-Gvern ta’ Malta stieden lill-Gvern tal-Italja biex jirrevedi l-istatistiċi tiegħu u joqgħod lura milli jirrepeti talbiet bla bażi.

L-Italja kienet wegħdet lil Malta li kienet se tieħu 50 immigrant mill-bastiment Lifeline. Wara diversi talbiet minn Malta, meta l-esperti Taljani u Maltin eventwalment iltaqgħu biex jiddeċiedu l-modalitajiet biex iwettqu dawn il-wegħdiet, ġie miftiehem li peress li ż-żewġ pajjiżi qablu li jieħdu l-istess ammont ta’ immigranti minn xulxin u peress li kienu diġà ġegħluhom jgħaddu minn vjaġġ ieħor, ġie deċiż li kull pajjiż kellu jżomm 50.

B’hekk il-wegħdiet ġew imwettqa xorta waħda miż-żewġ naħat. Malta żammet il-50 immigrant mil-Lifeline li suppost kellhom jiġu trasferiti għall-Italja u l-Italja żammet il-50 immigrant mill-każ ta’ Pozzallo li suppost kellhom jiġu trasferiti lejn Malta.

Il-Gvern ta’ Malta esprima d-disprezz tiegħu u qal li kien sorpriż bl-allegazzjonijiet mhux preċiżi tal-Ministru Salvini. Il-Gvern fakkar ukoll li d-DG Home, li kienet qed tikkoordina l-modalitajiet ta’ dawn l-inizjattivi tal riallokazzjoni volontarja, taqbel li kemm Malta kif ukoll l-Italja ssodisfaw il-wegħdiet tagħhom.