Il-Gvern jippubblika l-kuntratt tal-windfarms f’Montenegro

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia poġġa fuq il-medja tal-kamra tad-deputati l-kuntratt tal-windfarms f’Montenegro.

Fil-bidu tas-seduta tal-lum, Farrugia qal li kif kien wiegħed fi tweġiba għal mistoqsijia parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fis-seduta tal-20 ta’ Lulju u biex ikun hemm trasparenza sħiħa, kien qiegħed ipoġġi fuq il-medja tal-kamra, id-dokumenti kollha annessi mal-kuntratt tal-Enemalta dwar il-windfarms f’Montenegro.

Il-Ministru Farrugia deher jgħaddi lill-iskrivan tal-kamra, numru ta’ dokumenti ħoxnin waqt il-ħin li fih il-Ministri jgħaddu karti relatati max-xogħol tagħhom lill-amministrazzjoni tal-parlament. 

Fl-aħħar ġimgħat ħarġu allegazzjonijiet kbar madwar il-bejgħ u x-xiri tal-windfarms fil-Montenegro fejn kien sostnut li l-kumpanija 17 Black, li s-sid tagħha huwa Yorgen Fenech, li qed jitressaq il-Qorti mixli b’involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ħadet kemxa sostanzjali minnha.

Il-kumpanija reġistrata fis-Seychelles, bl-isem Cifidex kienet biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta’ €10.3 miljuni lill-Enemalta. Allegatament il-kumpanija kienet xtrat l-istess ishma ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables, konsorzju Spanjol, għal €2.9 miljun, differenza ta’ €7.4 miljuni.  €4.6 miljun minnhom huwa allegat li baqgħu f’17 Black bħala profitt għal Yorgen Fenech. Din l-informazzjoni ħarġet minn investigazzjoni li saru minn Reuters u The Times of Malta.