Il-Gvern jippubblika dettalji tas-sejħiet għax-xogħlijiet fi Triq il-Kosta

Il-Gvern irreaġixxa għad-dikjarazzjoni tal-Oppożizzjoni dwar Triq il-Kosta, li uriet tħassib dwar dak li joħroġ minn rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar sejħiet għall-offerti.
Il-Gvern tenna li mexa mar-regolamenti tax-xiri pubbliku u li ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti għall-proġett.
Fakkar kif is-sejħiet ħarġu mill-Gvern preċedenti qabel l-elezzjoni tal-2013, u ppubblika dettalji dwarhom (ara r-ritratti).
Il-Ministeru tat-Trasport tenna s-sodisfazzjon tiegħu li l-proġett issa jinsab kważi lest u saħaq li l-Gvern ma tilef ebda ċenteżmu mill-€11-il miljun imsemmija għax dawn intużaw fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-ambjent.
Akkuża lill-Oppożizzjoni li kienet tkun kuntenta kieku ntefqu €30 miljun oħra fuq il-proġett, jew li dan ma jsirx, hekk kif fakkar li l-baġit għal dan il-proġett kien ta’ €53 miljun imma l-irħas offerta għax-xogħlijiet kienet ta’ €83 miljun.
Għalhekk, saħaq, il-proġett kien f’riskju li ma jsirx minħabba t-€30 miljun differenza. Spjega li kien hawn li Transport Malta, b’direzzjoni tad-Direttur tal-Kuntratti, innegozjat prezz aħjar biex b’hekk il-proġett sar b’inqas flus.