“Il-Gvern jipprova jidher li għandu kontroll billi jhedded il-futur tat-tfal” – AD

The Sunday Times of Malta

“Il-Gvern qed jipprova jidher li għandu kontroll billi jhedded il-futur tat-tfal minn familji li jaħdmu Malta”, dan qalu l-Viċi Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Mario Mallia. Huwa kien qed jirreferi għall-kwisjoni li għaddejja bħalissa fejn il-Gvern qal li 22 tifel u tifla se jkunu deportati lura lejn pajjiżhom minħabba li l-familja tagħhom taqla inqas mill-kwota ta’ €19,000 fis-sena.

Mallia sostna li ħafna mill-Maltin ma jaqilgħux din iċ-ċifra u qal li “b’din il-loġika, il-Gvern għandu jikkontempla li lil dawn il-familji Maltin joħdilhom it-tfal.” Żied li jekk ma jiġrix hekk il-Gvern ikun qed jiddiskrimina bejn it-tfal tal-familji Serbi u dawk Maltin sempliċiment għax mhumiex Maltin. Kompla li huwa ta’ tħassib li esponenti tal-Gvern jiġġustifikaw din id-deportazzjoni għax jgħidu li se jgħixu fil-faqar. Saħaq li dan juri li l-Gvern tilef ir-ruħ soċjali tiegħu.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo ħeġġeġ biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mill-aktar fis possibbli. Żied li mhux aċċettabbli li l-Gvern jinħeba wara legaliżmi dubjużi biex jiġġustifika dak li għamel. Kompla li, “id-drittijiet tat-tfal mhumiex għal bejgħ.” “Il-liġijiet għandhom ikunu hemm biex jaqdu n-nies u mhux in-nies jiġu sfurzati biex jaqdu r-regoli”, temm jgħid Cacopardo.

Aktar kmieni dan ix-xahar Newsbook.com.mt nieda petizzjoni biex dawn it-tfal ma jiġux deportati lejn pajjiżhom. Fost in-nies li ffirmaw din il-petizzjoni hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.