Il-Gvern jipproponi pont fil-Gudja

Infrastructure Malta

L-aġenzija Infrastructure Malta se tibni pont ta’ 34 metru fi Vjal l-Avjazzjoni sabiex ikun aktar faċli għal dawk bil-mixi, li jużaw it-trasport pubbliku, u għaċ-ċiklisti biex iduru bejn il-lokalitajiet madwar il-Gudja.

Fi stqarrija l-aġenzija qalet li llum ppreżentat id-disinji preliminari tal-proġett lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) sabiex tikseb il-permessi meħtieġa għall-bini tal-istruttura aktar tard din is-sena. Dalwaqt toħroġ sejħa għall-offerti għad-disinn finali u l-bini tal-pont.

Il-proġett se jinkludi żewġ strutturi għoljin seba’ metri fil-ġnub tat-triq, li fihom jinkludu rampi fit-tond (helical ramp) li jibqgħu jduru ‘l fuq sakemm jaslu għall-pjattaforma tal-pont innifsu. Ir-rampi forma ta’ spirali ta’ dan il-pont ġew iddisinjati wkoll skont il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Infrastructure Malta

Is-sejħa għall-offerti se titlob li l-istrutturi finali li jiġu proposti jkunu jinkludu elementi ta’ disinn innovattiv kif ukoll li jagħmlu użu ta’ materjali li ma jħallux impatt ħażin fuq l-ambjent.

Dan il-pont se jgħaqqad flimkien id-daħliet tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm maż-żewġ naħat ta’ Vjal l-Avjazzjoni, sabiex iżżid is-sigurtà għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku, kif ukoll il-bankini u l-korsija għar-roti mal-ġenb tat-triq meta jkunu qed jivvjaġġaw minn u lejn l-Ajruport.

Permezz ta’ proġett ieħor li mistenni jitlesta dan is-sajf, Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma biex twessa’ Vjal l-Avjazzjoni u żżid it-tielet korsija u korsija għar-roti fil-karreġġjata li mill-Ajruport u mill-mini ta’ Ħal Kirkop twassal għal Ħal Luqa, Ħal Qormi, Santa Luċija, u Raħal Ġdid. Il-korsija għall-karozzi ġdida se tgħaqqad il-bypass lane li nbniet is-sena li għaddiet fir-roundabout tal-Ajruport sabiex ittejjeb l-aċċess bejn il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-istess Vjal l-Avjazzjoni fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa.