Il-Gvern jipproponi lil Konrad Mizzi bħala Kap tad-delegazzjoni Maltija tal-OSCE

Aġġornat 07:26 AM

Read in English.



Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne llum ippreżenta numru ta’ mozzjonijiet biex jimtlew numru ta’ pożizzjonijiet fosthom chairpersons ta’ diversi kumitati parlamentari li ġew vakati wara r-reshuffle tal-kabinett u l-ħatra tal-Prim Ministru Robert Abela. L-ikbar benefiċċjarji ta’ dawn il-pożizzjonijiet kienu l-backbenchers li tħallew barra mill-kabinett.

L-unika nomina li sabet oppożizzjoni mill-Partit Nazzjonalista kienet in-nomina tal-eks ministru Konrad Mizzi bħala kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.

L-eks ministru għall-Enerġija Joe Mizzi jinħatar chairman tal-kumitat parlamentari għall-Ambjent minflok is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat. L-eks ministru għal Għawdex Justyne Caruana tinħatar president tal-kumitat għall-konsiderazzjoni tal-liġijiet.

L-eks segretarju parlamentari Anthony Agius Decelis kien propost biex jinħatar president tal-kumitat aġġunt għall-konsiderazzjoni tal-liġijiet, bil-Viċi Kap tal-PN David Agius jistaqsi jekk hemmx bżonn aktar li jkun hemm żewġ kumitati għall-konsiderazzjoni tal-liġijiet.

Agius Decelis inħatar ukoll President tal-Kumitat dwar il-familja u l-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet. Id-deputat laburista Joe Mizzi nħatar ukoll President tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent.

Id-deputat Laburista l-ġdid Jean Claude Micallef propost biex jinħatar President tal-Kumitat għall-Ekonomija u l-Finanzi u Kap tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran.

“B’dan l-aġir Abela qed juri kemm ma nbidel xejn” – Il-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija li ħareġ b’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li japponta lill-Ministru “tal-Panama Papers” Konrad Mizzi biex ikun Kap tad-Delegazzjoni tal-OSCE, juri kemm ma nbidel xejn minn taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Il-PN qal li dan hu l-mod tal-politika ta’ Joseph Muscat, li jippromwovi lill-politiċi skandalużi a skapitu tar-reputazzjoni ta’ Malta.