Il-Gvern jintervjeni biss “f’emerġenza”; jibqgħu bejn sema u ilma

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-Gvern qal li se jgħati biss assistenza lill-persuni li jinsabu fuq il-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi Sea Watch u Sea Eye f’każ ta’ emerġenza. Iktar kmieni llum madwar 40 għaqda mhux governattiva marru quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jitolbu laqgħa miegħu fuq is-sitwazzjoni. Il-persuni abbord is-Sea Watch 3 ilhom bejn sema u ilma mit-22 ta’ Diċembru filwaqt li dawk abbord Professor Albrecht Penck ilhom mis-27 ta’ Diċembru.

AQRA: Filmat: “X’inhu importanti l-politika jew li nsalvaw il-ħajjiet?”

Il-Gvern kompla jgħid li Malta ma għandha l-ebda kompetenza legali rigward l-operazzjoni ta’ salvataġġ li saru mill-bastimenti Sea Watch 3  u Professor Albrecht Penck. Qal ukoll li l-operazzjonijiet saru fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Libjana u kienu iktar qrib il-Libja, Tuneżija u l-Italja. Skont il-Gvern, il-bastimenti tlajjaw fl-ibħra territorjali Maltin wara li ġew irrifjutati port sigur. Il-bastimenti, talbu permess biex jidħlu fl-ibħra territorjali Maltin wara li qam l-maltemp fuq il-baħar.

Għandu jkun hemm diskussjoni dwar il-persuni l-oħra li ġew salvati minn Malta

Il-Gvern saħaq li bħala sinjal ta’ rieda tajba, id-diskussjonijiet fuq livell Ewropew għandhom jiġu estiżi għall-immigranti li ġew salvati minn Malta u li jinsabu Malta.

AQRA: “Tħallux l-immigranti fil-baħar” – UE lill-Istati Membri

Bħalissa l-Kummissjoni Ewropea għaddejja tikkordina dawn id-diskussjonijiet bil-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni mistenni jitkellem għada dwar l-aħħar żviluppi.

AQRA: Petizzjoni għan-nies bejn sema u ilma; Illum it-18-il ġurnata

AQRA: “Nittama li l-politiċi jaslu għad-deċiżjoni t-tajba dwar l-immigranti” – L-Arċisqof