Il-Gvern jintalab iħallas b’mod sħiħ lill-ħaddiem li kien sospiż

Luke Zerafa

L-Ombudsman ordna lill-Gvern biex iħallas il-paga sħiħa flimkien mal-allowances, xogħol ta’ shift u sahra. Dan wara li l-Gvern sostna li l-allowances u l-ħlasijiet oħra kellhom jiġu biss mħallsa għax-xogħol li jkun twettaq.

Il-każ li kien ġie rrappurtat fis-sommarju tal-każijiet tal-Uffiċċju tal-Ombudsman għas-sena 2019 jitrattaw dwar il-każ fejn għal 10 xhur, raġel li jaħdem fis-settur tas-saħħa kellu jgħajjex il-familja b’nofs il-paga peress li kien sospiż fuq allegat każ li ġara waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Tul dan il-perjodu, l-impjegat u l-familja tiegħu għaddew minn żmien diffiċli biex jirnexxielhom jgħixu b’nofs il-paga. L-Ombudsman qal li l-impjegat stqarr illi ibnu kellu jieqaf mill-istudji tiegħu u jfittex xogħol biex jgħin lill-familja.

L-ilmentatur irrikorra għand l-Ombudsman għax insista li ħaqqu jitħallas il-flus kollha ta’ dak kollu li kien idaħħal li kieku baqa’ jaħdem fir-roster tiegħu mingħajr ma ġie sospiż, jiġifieri l-ħlas għall-ħidma li hu kien iwettaq fil-Ħdud, fil-festi pubbliċi u s-sahra.

Fil-fatt, il-Kummissarju għas-Saħħa fl-uffiċċju tal-Ombudsman ikkonkluda li għalkemm il-Ministeru għas-Saħħa ħass il-ġustifikazzjoni illi jipproċedi bis- Sospensjoni Prekawzjonarja, ladarba l-impjegat ma nstabx ħati mill-Qorti Kriminali, m’għandu jbati ebda konsegwenza. Dan kien ifisser li lanqas m’għandu jiġi mċaħħad mid-dħul regolari tiegħu ta’ allowances, xogħol ta’ shift u sahra.

L-Ombudsman qal ukoll li ladarba l-Qorti illiberat lill-impjegat minn kull imġieba ħażina ħaldaqstant l-aġi tal-Gvern li jċaħħad lill-impjegat mill-pakkett sħiħ ta’ ħlasijiet marbuta mal-kariga tiegħu, kien ifisser illi l-Gvern kien qiegħed jaġixxi kontra d-deċiżjoni tal-Qorti.