Il-Gvern jinsisti li r-rapport dwar l-irvell tal-immigranti kien indipendenti

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jinsab fl-istadju li jevalwa r-rakkomandazzjonijiet li nkitbu fir-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta b’rabta mal-irvellijiet tal-immigranti irregolari fil-25 ta’ Frar li għadda.
Fi stqarrija, il-Ministeru rrefera għal dak li qalu l-Għaqdiet mhux Governattivi li r-rapport ta’ inkjesta huwa inklinat favur l-awtoritajiet konċernati u jħalli ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba.
Il-Ministeru qal li jenfasizza li l-Bord  ta’ Inkjesta kien wieħed kompetenti, indipendenti u maħtur skont il-liġi. 
Min-naħa tagħhom aktar kmieni l-10 għaqdiet mhux governattivi qalu li l-bord li twaqqaf mill-Ministru Manuel Mallia, ikkonkluda li l-pulizija ma użawx forza eċċessiva minkejja li tal-inqas tnejn mit-tliet immigranti qalu li ġew imsawta.
Qalu wkoll li r-rapport naqas milli jassigura li l-immigranti l-oħra involuti fl-irvellijiet ġew eżaminati minn tabib, jew jekk intużatx forza wara li ġew immanettjati u miżmuma.