Il-Gvern jinsisti li mhux għadu tal-familja Caruana Galizia

Il-Gvern Malti sostna li qed jiġi mpitter bħala għadu tal-familja Caruana Galizia mill-avukati Ingliżi, meta dan mhux minnu.

Permezz tal-Avukat Ġenerali, il-Gvern Malti llum wieġeb lill-Avukati Ingliżi li f’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra fid-9 ta’ Awwissu lmentaw dwar it-tmexxija tal-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma kienu lmentaw ukoll li l-Gvern Malti qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-investigazzjoni.

F’ittra ta’ risposta, il-Gvern sostna li qed jieħu r-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bl-akbar serjetà. Għal din ir-raġuni jrid assigura lil Bhatt Murphy Solicitors u lill-familja Caruana Galizia.

Il-familja Caruana Galizija kienet ingħatat parir biex tiftaħ kawża internazzjonali wara li l-Gvern naqas mid-dmir tiegħu li jinvestiga b’mod xieraq. Intant f’opinjoni legali mitluba mill-familja Caruana Galzia, Bhatt Murphy Solicitors qalu li biex tissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, l-investigazzjoni għandu jkollha ċerti karatteristiċi ewlenin, inklużi li l-investigazzjoni ssir b’ċerta ħeffa u li tiġi involuta l-familja b’mod adegwat. Komplew jgħidu li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jitolbu li almenu jkun hemm dawn il-kriterji involuti. Huma sostnew li dan il-Gvern Malti mhux qed jagħmlu.

Fl-istqarrija tal-lum, il-Gvern wera d-diżappunt tiegħu għall-allegazzjonijiet fl-opinjoni legali li insista li “mhumiex sostnuti” u li qed jagħtu informazzjoni skorretta.

Ġie spjegat li fl-ittra, il-Gvern għamilha ċara lill-avukati Ingliżi li l-Maġistrat li qiegħed imexxi l-inkjesta għandu libertà assoluta li jagħmel dak kollu meħtieġ “mingħajr ebda biża’ jew favuri.” Fakkar kif tliet persuni suspettati li wettqu l-qtil diġà ġew mixlija quddiem il-Qorti u l-investigazzjonijiet għadhom ma waqfux. Sostna li wieħed ma jistax jistenna li l-Pulizija jikkummentaw kontinwament fil-pubbliku dwar l-avvanzi tagħhom.

L-ittra sħiħa mibgħuta mill-Gvern lill-Avukati Ingliżi.