“Il-Gvern jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa min kienu l-persuni li tħallsu minn Gaffarena fil-proċess tal-espropjazzjoni tal-propjetà fi Triq iż-Żekka. Dan hekk kif sostna li “l-Gvern jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni”.

Huwa kien qed jindirizza lil Parlament waqt id-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar is-Servizzi Parlamentari.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq, b’referenza għal stħarriġ li kien ippubblikat fuq gazzetta lokali, li l-poplu Malti jinsab imħasseb dwar il-livell ta’ korruzzjoni fil-pajjiż.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni temmen li l-awtonomija tal-Parlament hi meħtieġa biex il-Parlament ikun jista’ jikxef u jiġġieled il-korruzzjoni. F’dan ir-rigward huwa spjega li l-fatt li deputati Parlamentari jkunu maħtura fuq bordijiet pubbliċi itappan din l-awtonomija u għalhekk fid-dokument dwar governanza tajba, l-Oppożizzjoni qed tisħaq li membri parlamentari ma għandux ikollhom funzjoni oħra għajr dik ta’ deputati fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Busuttil irrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali intitolat “An Investigation of Government's Expropriation of Two One-Fourth Undivided Shares of the Property at 36 Old Mint Street, Valletta” u sostna li dan juri l-valur li ħatriet ewlenin fil-pajjiż ikunu maħtura b’żewġ terzi tal-Kamra għaliex hekk biss il-persuni li jokkupaw dawn il-karigi jkunu tassew indipendenti ġaladarba jkollhom il-fiduċja tal-Gvern u l-Oppożizzjoni. Irrakkomanda, fost l-oħrajn, li l-Kap taċ-Ċivil u l-Kummissarju tal-Pulizija jkunu maħtura b’dan il-mod.
Huwa sostna li Gaffarena “għandu l-kontroll ta’ Kastilja” u “tal-Pulizija”. Dan hekk kif huwa kien qal lil Gvern biex jespropja l-propjetà fi Triq iż-Żekka kif ukoll dwar x’kellu jieħu bi ħlas lura għal dan. Irrefera wkoll għall-fatt li ulied l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit kienu jiffurmaw parti mill-Economic Crimes Unit, li kellha tinvestiga dan il-każ, waqt li kienu involuti f’negozju mal-istess Gaffarena. Huwa ddeskriva r-rapport tal-Awditur Ġenerali bħala “rakkont tal-mafja” u staqsa min irċieva l-flus mingħand Gaffarena biex saret il-valutazzjoni minfuħa tal-propjetà fi Triq iż-Żekka kif ukoll is-sottovalutazzjoni tal-propjetà tal-Gvern mogħtija bi skambju.
Intant, waqt l-istess dibattitu, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi akkuża lill-Oppożizzjoni li “qed tabbuża mid-demokrazija biex timmina d-demokrazija”. Fakkar kif fil-passat, fost l-oħrajn, huwa kixef każi dwar korruzzjoni fl-għoti tal-liċenzji tas-sewqan u dawk marittimi, ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta u l-għoti tal-art lill-Kumpannija Go. Huwa sostna li ħadd ma rriżenja f’dawk iċ-ċirkustanzi għall-kuntrarju ta’ llum. Huwa qal li l-Gvern, illum, iħalli lill-Oppożizzjoni tikkritikah għall-kuntrarju ta’ dak li sar fil-passat meta fost l-oħrajn mozzjonijiet li huwa ressaq dwar Ksur ta’ Privileġġ qatt ma ġiet diskussa hekk kif il-Gvern ta’ dak iż-żmien baqa’ jipposponi d-diskussjoni sa tmiem il-leġislatura.
Huwa staqsa kif l-Oppożizzjoni tikkritika lill-Gvern li qed jimmina l-awtonomija tad-deputati tiegħu meta kien Gvern Nazzjonalista li daħħal ir-rwol tal-Assistenti Parlamentari u saħansitra dawn kienu jistaqsu mistoqsijiet lill-istess Ministru li taħtu kienu jservu. Sostna wkoll li l-Oppożizzjoni mminat id-dinjità tiegħu ta’ deputat Parlamentari meta sfruttat ċirkustanzi diffiċli fil-familja biex tattakkah jew tirridikolah fosthom inċident tat-traffiku fejn kien involut ibnu kif ukoll każ riċenti meta, wara żjara l-isptar minħabba ċirkustanzi tal-familja baqa’ sejjer jivvota fil-parlament u kien ridikolat għaliex ma marx ibiddel mill-ħwejjeġ każwali li mar l-isptar bihom.