Il-Gvern jindaga fir-reġistrazzjoni tal-art fin-Nadur

Chris Said / Facebook

Is-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat talab għal rendikont tal-fatti dwar ir-reġistrazzjoni tal-art fin-Nadur, peress li din il-ġimgħa għadd ta’ residenti ġew avviċinati minn avukati jgħidulhom li djarhom mhumiex tagħhom.

Dawn ir-residenti joqogħdu fi Triq il-Knisja u partijiet oħra ċentrali fir-raħal Għawdxi.

L-avukati qed jirrappreżentaw lill-eredi ta’ Richard Stagno Navarra. Huma qalu li l-artijiet mhumiex tar-residenti fuq il-bażi ta’ dokumenti li jmorru lura sas-seklu 17, żmien meta ħafna minn dawn il-propjetajiet ma kinux jeżistu.

Stqarrija maħruġa mill-Gvern dalgħodu telenka l-fatti li skopra l-Gvern fuq il-każ s’issa.

Permezz tal-avviż legali 142 tal-2019, fl-1 ta’ Lulju, diversi artijiet madwar Malta u Għawdex ġew inklużi fiż-żona ta’ reġistrazzjoni, fosthom in-Nadur Għawdex. Fost diversi applikazzjonijiet, f’Jannar u Frar ta’ din is-sena, ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet lill-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Fil-21 ta’ Jannar daħlet applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ art tal-kejl madwar 14,398 metru kwadru f’isem il-benefiċjarju lajkali Sant’Antonio delli Navarra. Fit-12 ta’ Frar, daħlet applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ art tal-kejl madwar 13,252 metru kwadru f’isem il-benefiċjarju lajkali Sant’Antonio delli Navarra.

Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa mħasseb fuq din il-kwistjoni, u qed jifhem l-inkwiet tar-residenti. Huwa talab rapport dettaljat ta’ kjarifika kif ukoll dokumenti oħra relatati, sabiex jiġi assigurat li ma jkun hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet u tiġi stabbilita l-validità tal-proċess segwit. Mhux qed jiġi eskluż li jittieħdu passi ulterjuri. L-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet qed tagħmel il-verifiki tagħha.

Is-Segretarju Parlamentari se jiltaqa’ mal-Kunsill Lokali tan-Nadur u mar-residenti milquta nhar it-Tnejn 9 ta’ Marzu.

Is-Sindku tan-Nadur Chris Said qal li se jagħmel il-pressjoni kollha li jista’.

Grazzi lil Daniel Cilia ta’ din l-infografika li turi b’mod ahjar l-artijiet li qeghdin nitkellmu dwarhom u li gew…

Posted by Edward Said on Thursday, March 5, 2020

Ilbieraħ, il-Membru Parlamentari Chris Said li huwa minn Għawdex bagħat għadd ta’ mistoqsijiet fuq il-każ lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, li taħtu jaqa’ r-reġistru tal-artijiet. Qal ukoll li kien infurmat li l-Prim Ministru Robert Abela kien fin-Nadur ilbieraħ jiltaqa’ mar-residenti, u ttama li l-Gvern se jinvestiga dan il-każ.

REGISTRAZZJONI TA' MEDDED TA' ART FIN-NADUR -IL-PRIM MINISTRU FIN-NADUR.Diversi residenti infurmawni li ftit tal-hin…

Posted by Chris Said on Thursday, March 5, 2020